Lil bniedem mhux magħruf

Bosta nies jitkellmu f’isem ħafna oħrajn li lanqas biss jafu jew li qatt ma ltaqgħu magħhom. Komdi fis-sigurtajiet tagħhom, dawn il-bosta nies, aktarx professjonisti ta’ xi tip, jippużaw bħala Difensuri tal-Ġusizzja mingħajr ma huma kapaċi mqar joħolmu jew jobsru xi jfisser tgħix fi stat ta’ inġustizzja. Bl-intenzjonijiet tajba tagħhom kollha, qajla jimmaġinaw li l-poża tagħhom hi falza daqskemm insolenti. Fuq kollox, hi għamla ta’ kif timraħ u tissaħħaħ l-istess inġustizzja li jgħixu kontinwament dawk il-ħafna mhux magħrufa li l-oħrajn taparsi jitkellmu f’isimhom. Espressjoni Griega L-espressjoni li wżat f’ras dawn il-kelmtejn hi mislufa mill-artali Griegi tal-qedem iddedikati lil ‘Alla mhux magħruf’ ( ‘Agnostos Teos’ ). Isemmiha San Pawl fid-diskors tiegħu fl-Areopagu ta’ Ateni ( Atti tal-Appostli 17:23; sek. 1 WK), kif ukoll kittieba oħrajn tas-seklu 2 WK, bħal Pseudo-Lucianus ( Filospatris , 9) u Pausanias ( Perjegeta , 1.1.4). Hemm ukoll evidenza arkeoloġika ta’ dawn l-arta...