L-irrazzjonalità tal-votant

Parti mill-aġir irrazzjonali tan-nies huwa meta f’moħħhom jirrikonċiljaw ħsibijiet inkonsistenti ma’ xulxin u kontradittorji għal xulxin. Il-lealtà lejn l-affiljazzjoni ideoloġika tagħhom ħafna drabi tiġi ’l fuq mis-sewwa tal-fatti. Dan jiġri kemm fi ħwejjeġ ta’ politika u kemm fi ħwejjeġ ta’ reliġjon, għall-anqas f’Malta u Għawdex. Huwa għalhekk li f’dawn iż-żewġ oqsma n-nies ftit jirraġunaw. Ħafna drabi, kampanja elettorali intensa donnha ssir proprju għalhekk: sabiex in-nies jirraġunaw dejjem anqas u anqas, u jkunu irrazzjonali dejjem aktar u aktar. Ebda intelliġenza Għall-mument, ħa nħallu r-reliġjon fil-ġenb. Meta titkellem man-nies dwar kwistjonijiet politiċi li qegħdin jissemmew fil-kampanja elettorali – ngħidu aħna, dwar il-gass u ż-żejt, dwar il-ħlas tal-parlamentarji, dwar is-saħħa jew ukoll dwar il-ħolqien tax-xogħol – tistenniex li se tismagħhom jagħmlu xi raġunament loġiku. Il-biċċa l-kbira se jgħidulek dak li jtaqtqu fuqu l-mexxejja politiċi tagħhom. Għalxejn tipp...