Żmien l-innoċenza
Jien nistqarr miegħek li għalija l-kampanja elettorali tista’ ma ssir xejn. Għax ma nisma’ lil ħadd. Televiżjoni (aktar u aktar stazzjonijiet Maltin) ma nara qatt; radju ma nisma’ qatt; u bħalissa, gazzetti ma narax. Minkejja dan, ma tistax ma taqbadx kelma minn hawn u kelma minn hemm. Għax sew fuq tal-linja, sew titkellem man-nies, sew fuq facebook, u sew fuq twitter, politika tiela’ u politika nieżla’. Donnhom in-nies m’għandhomx fiex jaħsbu għajr fuq hekk. Sofistikazzjoni kerha Għalhekk, mingħajr ma rrid, ikolli nsir naf x’inhu għaddej, x’qal dan u x’qal l-ieħor. Nistqarr li l-impressjoni li ħadt s’issa, ukoll minn dawn it-tentufiet, mhijiex tajba. Kif stennejt, għal waħda twila wisq u wisq, il-kampanja ġmielha qiegħda tiddeġenera. Iżda mhux biss. Ninnota wkoll li s-sofistikazzjoni tat-tgħajjir, il-kumplessità tat-tmaqdir, il-makakkerija tal-akkużi, il-finezza tad-denunzjazzjonijiet, u l-kattiverja tal-insinwazzjonijiet qegħdin jilħqu livelli ta’ baxxezza li jbeżżgħuk. Jek...