'Jiena l-alfa u l-omega'

Ċittadin, għolli leħnek u għajjat: ‘Jiena l-alfa u l-omega!’; il-bidu u t-tmiem. Għax huwa int dak li għalih jeżisti l-istat. Għalik jeżisti l-gvern. Għalik jeżistu l-istituzzjonijiet. Għalik jeżistu l-liġijiet. Xejn ma jagħmel sens jekk ma jkunx ġej minnek; jekk ma jkunx għalik; jekk ma jkunx tiegħek. Għid, ċittadin, lil kulmin għandu s-setgħa fuqek; għidlu: ‘Huwa jien il-bidu u t-tmiem tas-setgħa li għandek. Int m’int xejn mingħajri. Huwa jien li nagħti bidu għalik; u meta rrid jien int tintemm u tieqaf taħkem fuqi. Mhux jien neżisti għalik, iżda int teżisti għalija. Int m’iniex sidi; huwa jien is-sid tiegħek. Inti tagħmel li ngħidlek jien; mingħajri ma tagħmel xejn għax mingħajri s-saħħa kollha tiegħek tintemm.’ Daħħalha f’moħħek darba għal dejjem, ċittadin, li pajjiżek huwa tiegħek , mhux ta’ min għandu s-setgħa u ta’ min jaħkem fuqek. L-istat huwa tiegħek. Il-gvern huwa tiegħek. L-istituzzjonijiet huma tiegħek. Il-liġijiet huma tiegħek. Anzi aktar minn hekk għandek tku...