KENNEDY

Hija ħaġa kurjuża li lanqas jien ma naf infissirha sew: għala, bħal tant miljuni ta’ oħrajn, jien miġbud lejn John F. Kennedy. Għax kien politiku ta’ setgħa bla qies f’età daqshekk żgħira? Għax kien personalment affaxxinanti? Għax miet żgħir? Għax kien idealista? Għax kien bin immigranti Irlandiżi? Għax miet b’mewta hekk vjolenti, misterjuża u spettakulari? Ma nafx inwieġeb għala bl-eżatt. Ġibda stramba Fil-fatt, aktar hemm raġunijiet għala m’għandix ninġibed lejh milli hemm biex ninġibed: it-tbażwir li bażwar fil-politika; il-ħajja privata xejn eżemplari tiegħu; il-korruzzjoni tiegħu u ta’ familtu; il-ħabi sistematiku tiegħu privatament u professjonalment; l-immoralità tiegħu; il-Kattoliċiżmu ipokrita tiegħu; il-manuvrar u l-intriċċi mdellija fil-politika tiegħu ... Il-lista tista’ tibqa’ sejra. Minkejja dan, ... xorta waħda jkolli nammetti li Kennedy kellu xi ħaġa li tibqa’ tiġbidni lejh b’mod irreżistibbli. Jista’ jkun għax narah xi ftit jew wisq bħala bniedem traġiku (u, fl-a...