Għawdex u lil hawn minnu

Ix-xogħol li sar f’Għawdex minn amministrazzjonijiet governattivi imgħoddija fis-snin li għaddew u x-xogħol li qiegħed isir mill-amministrazzjoni governattiva kurrenti donnu dejjem jitlaq mill-premessa li l-gżira Għawdxija għandha dejjem tibqa’ tiddependi minn Malta. Jidhirli li ma jistax isir progress u żvilupp xieraq biżżejjed jekk ma jerġax jibda jitħaddem il-kunċett li kien jeżisti fl-imgħoddi―saħansitra qabel ma kien hemm xi Ministeru għal Għawdex―li l-gżira tkun awto-suffiċjenti. Xogħol u saħħa Qabel xejn, dan ifisser li jinħoloq xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess. Ma ninsewx li din hi waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Programm Elettorali tal-gvern attwali għal Għawdex. Imma s’issa ma jidhirlix li smajt wisq fuq dan. Kulħadd jaf li għosfru l-biċċa l-kbira tal-fabbriki li kien jħaddmu lill-Għawdxin fl-imgħoddi. Li jerġa’ jkun hemm f’Għawdex possibbiltajiet simili jidher li għandha tkun prijorità ewlenija. Naturalment, il-lista ta’ ħtiġijiet ma tiqafx hawn. Ngħidu aħna, l-...