Il-mixja lejn il-Ħelsien

Il-ktieb li l-Prim Ministru ħareġ uffiċjlament għall-pubbliku t-Tnejn li għadda, Il-Ħelsien: Il-mixja lejn il-31 ta’ Marzu tal-1979 (miktub minn Mark Camilleri u ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti) għoġobni u m’għoġobnix fl-istess ħin. Filwaqt li jipproponi mogħdijiet ġodda ta’ interpretazzjoni (u jġib il-provi għalihom), ma jidhirx li jagħraf oħrajn (li provi aktarx hemm diġà). Mogħdijiet ġodda Ħa nibda bil-mogħdijiet ġodda li jidher li qed jipproponi. L-ewwel nett, is-sehem kruċjali ta’ ċerta klassi tas-soċjetà fit-taqtigħat li ġew iġġenerati fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. L-awtur isejħilha il-‘klassi tal-ħaddiema’ mingħajr ma jgħid eżattament (bħalma jagħmel fi ktieb ieħor tiegħu, From Colonialism to Mntoffianism , tal-2013) minn min hi magħmula jew fiex tikkonsisti. Donnu jidentifikaha biss mal-ħaddiema tat-Tarzna. Hu x’inhu, l-awtur juri li s-sehem ta’ din il-klassi fil-kisba tal-Ħelsien kien ħafna akbar milli s’issa ġie rikonoxxut. It-tieni, il-ktieb juri b’mod ċ...