Il-kult tal-kumdità

In-Neo-Liberaliżmu għamel kult mill-kumdità. Minn qabel l-aħħar gwerra dinjija tgħallem malajr li din kienet il-karta li biha seta’ jikseb kollox u jinħafirlu kollox fil-proċess. Il-filosofija tiegħu kienet li, meta trodd il-kumdità lil għadd biżżejjed ta’ nies, lil għadd magħżul ta’ nies, għandek il-liċenzja li tagħmel kulma trid. Assolutament kulma trid. Ideal uniku Ebda ideal ieħor―soċjali jew politiku―ma seta’ jħabbatha mal-ideal tal-kumdità. In-nies lesti jissagrifikaw kollox għaliha, inkluż id-demokrazija, inkluż il-ġustizzja, inkluż is-sewwa u saħansitra inkluż il-libertà tagħhom stess. Imbasta komdi. Il-glidied moderni għad-drittijiet, karatteristiċi taż-żmien ta’ wara l-aħħar gwerra l-kbira, saru kollha subordinati għal ideal wieħed u assolut: il-kumdità. Il-kapitaliżmu dan fehmu mill-ewwel. Fehem li għall-kumdità n-nies kienu lesti li jħallsu kollox. Is-sagrifiċċji ma kellhomx aktar post fil-psikoloġija ta’ mases kbar; ix-xewqa waħdanija tagħhom saret li jnaqqsuhom ke...