L-aktar sodisfatti bil-klima soċjali

Il-Maltin huma l-aktar Ewropej sodisfatti bil-klima soċjali li teżisti fil-preżent. Dan joħroġ minn riċerka magħmula għan-nom tal-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju ta’ din is-sena (2014) u ppubblikata issa. Riċerka simili saret f’Ġunju tas-sena l-oħra (2013). F’dan il-perjodu, il-Maltin intervistati wrew l-akbar titjib (meta mqabbla maċ-ċittadini l-oħra Ewropej) fis-sens ta’ sodisfazzjon li għandhom f’dan ir-rigward. ‘Klima soċjali’ Ir-riċerka hija s-sitt waħda li saret f’dan il-qasam mill-‘Eurobarometer’ tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-ħsieb tar-riċerka huwa li tistħarreġ il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej fuq dik li tissejjaħ ‘klima soċjali’. Din tirreferi għas-sentiment ġenerali li jħossu n-nies meta jaħsbu u jqisu ħmistax-il aspett differenti li jaffettwalhom ħajjithom. Dawn l-aspetti għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi personali tagħhom, il-kwadru nazzjonali, kif ukoll l-ideat tagħhom dwar l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali. Ir-riċerka tfittex ukoll li tkejjel x’tip ta’ tama għandhom ...