Posts

Showing posts from December, 2014

Id-disperazzjoni tal-imsakkra

Image
Hu faċli ħafna f’dawn il-ġranet li l-familji jinġabru fl-għożża tal-qraba li tinsa lill-mijiet, l-eluf u l-miljuni li, Milied u mhux Milied, sena ġdida jew mhux, jgħixu fid-disperazzjoni li xeħtithom ix-xorti jew ħaddieħor: nies il-ħabs, nies refuġjati, nies bla art, nies bla dar, nies bla patrija, nies fi gwerra, nies bla familja, nies ippersegwitati, nies bil-ġuħ, nies bil-mard. Nies bħali u bħalek. Gratitudni Dawn in-nies kollha jinsabu b’xi mod jew ieħor imsakkra f’sitwazzjonijiet li minnhom m jistgħux joħorġu kif ġieb u laħaq. Ħafna drabi jiddependu minn ħaddieħor biex jeħilsuhom, ħaddieħor li, aktar iva milli le, hu indifferenti għall-hena tagħhom. Jinsabu f’sitwazzjonijiet li jgħalquhom f’morsa ta’ disperazzjoni kerha. Ma ngħidlekx dan biex intelliflek il-gost ta’ dawn il-jiem ta’ festa. Ngħidulek biss biex ma tinsiex li, waqt li int u jien għandna x-xorti li ngawdu l-familja u l-ħbieb bil-kwiet, hemm ħaddieħor, tad-demm u l-laħam bħali u bħalek, li din ix-xorti m’għandu

Il-miġnuna mħabba

Image
MEDITAZZJONI GĦAL ŻMIEN IL-MILIED Min m’għandux il-Milied f’qalbu, m’għandu ebda Milied. Il-Milied—u ebda prattika reliġjuża oħra, wara kollox—mhijiex dwar sentimentaliżmi, romantiċiżmi, reliġjoniżmi, liturġiżmi jew devozzjonaliżmi. Li Alla tlaħħam fil-persuna ta’ bniedem tisfida kull raġuni ta’ min ma jaf xejn dwar x’jiġifieri l-ġenn tal-imħabba u dwar l-imħabba tal-ġenn. L-empiriċista, iċ-ċiniku, il-loġiċista, ix-xettiku, ir-razzjonalista, il-misantropu jew ix-xjenzjalista ma jista’ qatt jasal biex jibda jifhem x’hemm moħbi f’din il-wirja ta’ mħabba. Il-Milied jista’ jagħarfu biss min jaf iħobb lil hinn mill-fatti, mill-evidenzi, mill-provi u miċ-ċertitudnijiet. Il-Milied mhuwiex parti mill-fasla ta’ ħsieb ta’ min jehda biss bil-possibbli. Lanqas mill-qafas ta’ lingwaġġ li jieqaf biss sax-xfar tal-immaġinabbli. Il-Milied jgħid storja li ma tistax isseħħ, li m’għandhiex tkun, li hi ddestinata għad-diżastru, li hija traġika sa mill-bidu. Dan, l-imħabba biss tista’ tagħarfu, uk

Koalizzjoni mmermra?

Image
Riżenja waħda ma tkissirx koalizzjoni. Lanqas ma tkisser gvern. Anzi, xi wħud isostnu li jiġri bil-kontra. Jaqbel jew ma jaqbilx miegħu għal kollox, il-‘basket imħallat’ ta’ ideoloġiji politiċi li wassal lill-Partit Laburista biex jikseb is-setgħa governattiva ma kienx jiddependi, la fuq bniedem wieħed, wisq anqas fuq kompromessi sforzati li ma jħallux lok għal deċiżjonijiet iebsa. Il-‘kultura tar-riżenji’ Ir-riżenji amminsitrattivi riżultat ta’ responsabbiltà politika dejjem iġibu xi ftit tax-xokk fil-gżejjer Maltin. M’aħniex imdorrijin bihom u bosta drabi, minħabba l-istil ta’ politika li nagħmlu, lanqas ma nifhmuhom għal kollox. L-hekk imsejħa ‘kultura tar-riżenji’, li fl-Ewropa hi materja ta’ kuljum, fostna ma teżistix wisq. Aktarx m’għandux ikun hekk. Anzi. Jekk wieħed iqis id-diskors taż-żewġ partiti ewlenin, mhux biss illum, iżda għal għexieren ta’ snin, wieħed jaħseb li hawnhekk għandna ‘kultura’ jew attitutudni li tiffavorixxi ir-responsabbiltà politika li tagħmel ir-r

Aħbarijiet melodrammatiċi

Image
Is-servizzi li jagħmlulna l-pjaċir li ta’ kuljum joffrulna l-aħbarijiet saru parti integrali mid-dinja informatika li ngħixu. B’kull mezz tekonoloġiku possibbli, ninsabu kważi ibbumbardjati l-ħin kollu b’informazzjoni li tieħu x-xejra ta’ importanza vitali. Għalkemm nistgħu nobsru li wara din l-attività frenetika hemm interessi moħbija, xorta waħda ħafna minna jibqgħu jibilgħu l-lixka li mingħajr aħbarijiet m’aħniex f’dinja. Aġġornati? Ta’ kuljum niġu ppreżentati b’aħbarijiet li jingħataw libsa melodrammatika li jridu jaqbdu, mhux sempliċiment l-attenzjoni tagħna, iżda wkoll l-emozzjonijiet tagħna. L-impressjoni li kull darba ningħataw hija li dawn l-aħbarijiet huma ta’ relevanza bla qies u li jeħtieġ li nkunu nafu bihom b’mod immedjat. Kważi tħossok b’xi mod ħati jekk tinjorahom. Titli kbar, stampi esklussivi, xi kultant vidjows drammatiċi, kitbiet misterjużi, kwotazzjonijiet dubjużi, għejjun mistura ... dawn kollha bosta drabi jaħdmu flimkien biex iġegħluna nħarsu u forsi nag