San Oscar Romero
Saflaħħar, il-ġimgħa li għaddiet il-Vatikan iddeċieda li jaċċetta dak li l-Knisja Kattolika kollha ilha 35 sena ssostni mingħajr dell ta’ dubju: li l-Arċisqof ta’ El Salvador, Oscar Arnulfo Romero, kien qaddis u martri. Aħjar tard milli qatt, jgħidu, le? Romero inqatel, iddikjara l-Papa Franġisku, ‘in odium fidei’ (b’mibegħda għall-fidi).
Kwestjoni taħraq
Għalkemm għal ħafna nies il-qdusija u l-martirju ta’ Romero tidher ħaġa mill-aktar sempliċi, sempliċi mhijiex. Hija tmur fil-qalba ta’ kwestjoni ideoloġika taħraq li ilha tifleġ il-Knisja Kattolika għal dawn l-aħħar erbgħin sena. Kif għandu jiġi interpretat l-evanġelju? X’tip ta’ evanġelizzazzjoni għandha tħaddem il-Knisja? B’liema mod għandha torganizza lilha nnifisha l-Knisja fid-dinja tal-lum?
Fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, El Salvador, pajjiż fl-Amerika Ċentrali, kien taħt ħakma terroristika governattiva terribbli. In-nies kienu jisparixxu u jinqatlu kuljum. L-għaks u l-miżerja kienu l-prezz li l-poplu kien qed iħallas għat-tirannija tal-Istat appoġġjat mill-Istati Uniti tal-Amerika. Is-sitwazzjoni kienet disperanti.
L-Arċisqof Romero, wara snin ta’ indeċiżjoni, fl-aħħar kien qatagħha li jieħu l-parti tan-nies fqar u oppressi. Leħnu sar l-aktar wieħed awtorevoli u rappreżentattiv tar-reżistenza għall-ħruxija, ir-rippressjoni u l-persekuzzjoni. Iżda la l-biċċa l-kbira ta’ sħabu l-isqfijiet, la n-nunzju appostoliku (li diżgrazzjatament kien Malti: Manwel Gerada) u lanqas il-Vatikan ma tawh l-appoġġ tagħhom. Anzi, opponewh bis-sħiħ, bil-qawwi u fil-miftuħ.
Qasma ideoloġika
Romero nqatel fl-24 ta’ Marzu tal-1980. Kien wieħed biss minn eluf oħrajn li nqatlu mill-qawwiet tal-gvern, iżda forsi l-aktar wieħed elokwenti. Elokwenti mhux biss minħabba l-kelma qawwija tiegħu, mhux biss minħabba l-martirju tiegħu, imma wkoll minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu f’mumenti ta’ diffikultajiet tal-waħx.
Iżda l-martirju ta’ Romero ifisser aktar minn hekk. Għall-Knisja Kattolika jixhed għal mument drammatiku fil-qasma ideoloġika li għadha sal-lum ma solvitx. Mhijiex biss xi qasma bejn konservattivi u liberali, kif iħobbu jpinġuha xi wħud. Hi aktar qasma ta’ min taħseb li hi l-Knisja Kattolika. Hijiex xi istituzzjoni politika li sservi billi tinvesti fis-setgħa jew hijiex istituzzjoni magħmula mill-ifqar u l-iżgħar tad-dinja li thedded lis-setgħana.
B’nies skomdi bħal Romero li jibqgħu jfakkruha li ma tistax taqdi fl-istess ħin lil Alla u lill-Mammona, il-Knisja Kattolika llum għadha sal-lum ma tistax iżżarma l-istrutturi ta’ setgħa li bniet matul is-snin, speċjalment tul l-aħħar seklu u nofs, biex taqdi lil Alla fil-faqar u l-umiltà.
Konversjoni
Malta kellha sehem dirett u ikrah fil-mewt ta’ Romero. Ir-rappreżentant u n-nunzju appostoliku tal-Vatikan f’El Salvator f’dak iż-żmien kien il-Malti Manwel Gerada. Dan ġab għajb fuqu nnifsu u fuq pajjiżna meta ħadha kontra Romero, inkuraġġixxa lil min kien jopponih, kien ħaġa waħda mid-dittatura u xewwex lill-Vatikan kontrih. Għalkemm Romero ħabbu b’imħabba nisranija erojka, xorta waħda ma setax jonqos li jnikktu u jweġġgħu bl-atteġġjament negattiv u l-ostilità tiegħu. Din hija tebgħa fuqna li ma titħassar qatt.
Illum il-Vatikan, minkejja l-Papa Franġisku, kompla miexi ’l bogħod mit-triq evanġalika li nies qalbiena bħal Romero ħaddnu u ndikaw. L-ispiritwalità tal-liberazzjoni tibqa’ tiġi miċħuda u mwarrba. Jibqa’ jsir sforz biex titwarrab u tintesa. Din hi traġedja li ma tmutx, iżda wkoll li ma tiqafx iddemmi.
Il-Knisja Kattolika, inkluż f’Malta u Għawdex, jeħtieġ li żżarma l-istrutturi oppressivi u paternalisti ta’ setgħa li addottat. Jeħtieġ li tħaddan il-proposta politika, mhux ta’ moħħha u ta’ żniedha, imma ta’ Ġesù ta’ Nazaret, proposta li ‘tniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u tgħolli liċ-ċkejknin’. Mingħajr din il-konverjsoni l-Knisja ma tistax tieħu ruħ; ma tistax tkun sinjal ta’ ferħ u tama għad-dinja.
Kemm il-Romero trid biex fl-aħħar tikkonvinċi ruħha u tisma’ l-Ispirtu ta’ Alla?
proset fr Mark
ReplyDelete