Corbyn it-tentatur

Żmien l-esperiment tan-‘New Labour’ Blairjan intemm. Dam għal ftit aktar minn żewġ għexieren ta’ snin, mill-1994, jiġifieri sa minn meta Tony Blair ħa t-tmexxija tal-partit laburista Britanniku f’idejh. Minkejja li l-mudell soċjalista ċentru/xellugi se jibqa’ jgħaxxex f’pajjiżi lil hinn mill-Gran Britannja li tħajru għalih, inkluż f’Malta, il-ġirja fantasjuża u distorta tiegħu ntemmet. Hija biss kwestjoni ta’ żmien meta jispiċċa minn kullimkien. Taqliba naturali Din it-temma spettakulari għamilha possibbli Jeremy Corbyn u r-rebħa inkredibbli tiegħu fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit laburista Britanniku ħmistax-il jum ilu; Corbyn l-antiteżi ta’ Blair u l-bella kumpanija kollha tiegħu; Corbyn li baqa’ jemmen fis-soċjaliżmu u l-laburiżmu mingħajr konċessjonijiet, kompromessi u skonti; Corbyn li qatt m’aċċetta t-tradimenti ta’ min irid jaqdi lil Alla u x-xitan f’ħin wieħed. Ir-rebħa ta’ Corbyn kienet hekk naturali, hekk mingħajr sforz, hekk improbabbli fil-qafas tal-operat pol...