Il-Milied li jgiddeb

Il-Milied hu l-ewwel u qabel kollox festa tal-insara. Iżda aktarx li huma l-insara l-ewwel li jgiddbuh. U hu jgiddeb lilhom. L-istituzzjoni ewlenija tal-insara f’Malta u Għawdex, dik li tirrappreżentahom u dik li lilha jirrappreżentaw, jiġifieri l-Knisja Kattolika, mhijiex bħall-Knisja Kattolika f’ħafna nħawi barra mill-gżejjer Maltin. Hawnhekk donnu għandna Knisja għalina. Kulħadd jarah dan. Iżda ftit li xejn jistqarruh. Il-Milied, jekk xejn, ifakkarna fil-fondoq kbir li hemm bejn il-waħda u l-oħra. Wieħed wara l-ieħor, dawk li jirrappreżentaw ir-ras tax-xirka afdata f’idejhom ma jagħmlu xejn li xejn biex ireġġgħu x-xirka lejn l-ideali l-kbar tagħha. U l-Milied ifakkarna f’dawk l-ideali. Bil-kontra, aktarx ibegħduha dejjem aktar u aktar. Il-Milied hu festa ta’ faqar. U x’għandna hawnhekk? Xirka sinjura. Il-Milied hu festa ta’ umiltà. U x’għandna hawnhekk? Xirka kburija. Il-Milied hu festa ta’ ħniena. U x’għandna hawnhekk? Xirka li taħfirx. Il-Milied hu festa ta’ qima. U x’g...