Demokrazija u libertà

Jekk hu tabilħaqq minnu li l-gvern preżenti hu ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżna, allura għandna għalfejn ninkwetaw. Jekk le, allura kif għandna naqraw l-isfrattarija kollha li qed issir madwarna? Kif għandna niżnu l-kliem li jingħad, l-akkużi li jsiru u l-attentati ta’ paniku ġenerali? Il-kisba storika Li gvern ikun ta’ theddida għad-demokrazija u l-libertà ta’ pajjiżu hija ħaġa serja ħafna. Dawn huma valuri li tgħallimna nħobbu u ngħożżu. Huma valuri, ma ninsewx, li ma kinux jeżistu f’pajjiżna qabel ma l-gvern Laburista ta’ Mintoff tal-1955-58 ma ħoloqhomx b’rieda kważi ossessjonata. U ħoloqhom, għandna nżidu malajr, bil-kooperazzjoni tat-tmexxija kolonjali Britannika, imma kontra l-antagoniżmu u l-ostilità kważi fanatika tal-oppożizzjoni Nazzjonalista u l-oskurantiżmu tal-Knisja Kattolika lokali. Dan, fih innifsu, ifisser u ma jfissirx. ‘Ifisser’ għax spiss jintesa li dak li għandna llum ma waqax bħal bajtra mis-sħab, imma saru sagrifiċċji kbar għalih. ‘...