Akkużi, ħlif u għajjat ieħor

F’dawn l-aħħar ġimgħat, min minna seta’ jinjora l-akkużi li baqgħu jsiru mingħajr rażan? Rajna l-oppożizzjoni tirkeb il-karru li rikbu l-politiċi kollha sa minn qabel Ġesù Kristu, il-karru tal-akkużi ta’ korruzzjoni kontra l-gvern. Dan anki l-Laburisti għamluh fl-imgħoddi. Rajna wkoll il-gvern jaħlef li jdejh huma nodfa u li s-sewwa jirbaħ żgur. Għajjat li jtarrax Is-sewwa jirbaħ żgur? Din ġiet minn fomm il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat il-Ħadd li għadda. Konna smajnieha xi mkien ieħor din l-għajta. Min kien qalha, bħalissa? Ah, kienet il-famuża għajta ta’ Fenech Adami meta fl-aqwa tiegħu ħadha kontra l-aktar Prim Ministru onest li qatt kellha Malti, Dr Karmenu Mifsud Bonnici. Fil-politika m’iniex ċert is-sewwa jirbaħx żgur. L-għajta hi qawwija, bla dubju, imma l-politika, għall-anqas f’Malta u Għawdex, donnha trid xi ħaġa aktar minn hekk. Speċjalment meta l-akkużi ta’ korruzzjoni u ta’ ‘game over’ qed jitkattru bħall-faqqus fuq tiben imxarrab li ma jista’ jieħu n-nar b’xejn. ...