It-tagħlim soċjalista

Niddubita jekk f’pajjiżna għadx fadal post wieħed, fil-Partit Laburista jew barra minnu, fejn il-pubbliku jista’ jikseb it-tagħlim soċjalista. Dan in-nuqqas ilu s-snin, jekk mhu ukoll l-għexieren ta’ snin, u donnu ftit huma dawk li jħossuh jew jixtiequh mod ieħor. Dan jista’ jkun ta’ ħsara kbira għall-ġejjieni daqskemm hu ta’ ħsara għall-preżenti. L-analiżi politika Soċjaliżmu u tagħlim imorru flimkien. Dejjem, mill-bidu nett, is-soċjalisti fehmu l-eżistenza tagħhom bħala waħda li biċċa kbira minnha hi informattiva. Tagħlim mhux bilfors ifisser universitajiet, skejjel u ċertifikati. Jekk mhux dawn, żgur li jfisser il-mogħdija tat-tagħrif. Is-soċjalisti minn dejjem kienu nies li jitgħallmu u jgħallmu minn u lil xulxin. Dan hu naturali għalihom għax is-soċjalisti huma nies li għandhom il-ħila jaqraw ir-realtajiet tagħhom infushom u ta’ madwarhom b’għodod politiċi. Dal-għodod janalizzaw ir-realtajiet sabiex jiskopru fihom il-kontenut politiku, jiġifieri n-nisġiet li bihom kull ħaġ...