Soluzzjoni waħda

Ma hemm qatt soluzzjoni waħda għall-istess problema. Qatt. Ħafna nies jippanikjaw jew ikollhom xi jgħidu ma’ ħaddieħor għax jagħmlu dan l-iżball komuni: jaħsbu li hemm biss soluzzjoni waħda għal xi problema partikulari li jkollhom; jekk din is-soluzzjoni ma jkunux jistgħu jwettquha, allura erħilhom jinkwetaw, jinnervjaw jew ukoll jiddispraw. Qatt Le. Qatt m’hemm soluzzjoni waħda għall-istess problema. Din il-massima tagħmel tajjeb għal kull problema, kbira jew żgħira li tista’ teżisti. Għalhekk, jaqbillek iżżommha sew f’moħħok dejjem. Problemi tiltaqa’ magħhom kemm trid (u kemm ma tridx ukoll). Moħħna dejjem xi ftit jew wisq jaħseb kif se nsolvuhom. Imma spiss jiġrilna li flok insolvuhom, nispiċċaw ninħarqu bihom. Ħafna drabi dan jiġri għax naħsbu biss f’soluzzjoni waħda għal xi problema. Allura, jekk ma jirnexxilniex nilħqu dis-soluzzjoni, nindannaw u nirrabbjaw. L-iżball ikun tagħna, u tagħna biss; u hu żball komuni ħafna, li bosta nies jagħmluh għad-dannu tagħhom. Dan akta...