Ir-religjon fis-socjetà Maltija llum (6)

IS-SITT PARTI

Ir-rezistenza ghal dawk li kienu jitqiesu bhala l-instigaturi politici ewlenin tal-hajra ghall-helsien nazzjonali―Dom Mintoff u Giorgio Borg Olivier (fi grad u kwalità differenti)―akarx bdiet tigi interpretata bhala rezistenza ghat-titjib innifsu tal-qaghda ekonomika tal-Maltin. Bil-mod il-mod, jidher li bdiet tinholoq l-impressjoni li l-istituzzjoni ufficjali li tirrapprezenta l-Kattolici Maltin u Ghawdxin kienet qieghda titlef il-pass minn maz-zminijiet moderni li xirfu fuq in-nazzjon Malti.

Supremezija kulturali

Minn hawn setghet bdiet fil-prattika l-aljenazzjoni tal-Kattolici Maltin u Ghawdxin mill-Knisja taghhom. Din l-aljenazzjoni kompliet tigber bl-influwenzi li f’dak iz-zmien bdew jixkulaw minghajr wisq storbju fil-mentalità Maltija permezz tal-fatturi li semmejna qabel. Ghaldaqstant, filwaqt li jidher li kien hemm bidu ta’ bidla profonda fil-valuri tal-bicca l-kbira tal-poplu, din il-bidla ma kinetx qieghda tigi riflessa fl-istituzzjoni predomanti li kienet tirrapprezenta r-religjon taghhom.

B’dan il-mod, il-Knisja Kattolika f’Malta u Ghawdex bdit titlef is-supremezija kulturali li kienet tgawdi ghal sekli shah qabel. Din is-supremezija kienet tikkonsisti fil-fatt li l-Knisja Kattolika kienet l-aktar istituzzjoni fil-gzejjer Maltin li kellha setgha ideologika fostna. Fi kliem iehor, il-Knisja Kattolika kienet l-ewwel u l-isheh istituzzjoni li tezercita influwenza u kontroll f’dawk l-oqsma importanti ghall-poplu taghna, bhalma kienu l-edukazzjoni, il-familja u l-hajja socjali. Fil-fatt, kienet il-Knisja Kattolika li taghti identità lill-poplu taghna u kull wiehed u wahda minna ma setax jissejjah tabilhaqq Malti minghajr ma jkunu wkoll Kattoliku, ghallanqas fid-deher.

Telf ta’ fiducja

Dan kien ifisser ukoll li l-moralità Maltija ma kinetx tinftiehem separatament minn dik Kattolika u dan kien jinfluwixxi fuq l-istili ta’ hajja, specjalment dawk marbuta mas-sesswalità, kif ukoll fuq l-ideat. F’dan is-sens, il-Knisja Kattolika kienet tezercita rwol ta’ kontrol u organizzazzjoni fenomenali li jimla’ l-hajja socjali kollha kemm hi kif ukoll il-hajja personali tal-individwi.

Ghaldaqstant, mat-tnaqqis gradwali ta’ din is-supremezija, filwaqt li l-oqsma importanti ghall-hajja socjali u politika Maltija bdew jinbidlu ghall-htigijiet il-godda ta’ nazzjon hieles fi triqtu ghal certa prosperità ekonomika, il-Knisja Kattolika bdiet titlef il-fiducja ghamja li l-poplu Malti u Ghawdxi kellu fiha. B’hekk tilfet il-hakma qawwija li hija kellha sa dak il-waqt fuq dawn l-istess oqsma.


Moviment sieket

Minflokha dahal l-istat civili, li beda jidher dejjem aktar bhala l-qofol u l-muftieh tal-izvilupp u l-progress li kien qieghed isehh fil-gzejjer Maltin. Dan kien aktarx ifisser li, minn hajja socjali organizzata madwar suriet ta’ fasliet ekklezjastici u religjuzi, il-poplu taghna beda dejjem aktar jorganizza hajtu madwar fasliet civili u sekularizzati, anki jekk dawn aktarx ma kinux ghal kollox koerenti fihom infushom.

F’dan il-moviment sieket, il-prattiki u l-attivitajiet tal-Knisja Kattolika aktarx bdew jinqatghu mir-realtà tal-hajja ta’ kuljum u jiehdu forma dejjem aktar folkloristici. Is-siwi taghhom jidher li maz-zmien ma baqax aktar spiritwali (jekk qatt kien) u religjuz, imma dejjem aktar ritwalistiku u ta’ drawwa. Dan kompla jsahhah dik l-aljenazzjoni li semmejna qabel tal-Kattolici mill-Knisja li suppost kienet tirrapprezentalhom il-valuri essenzjali taghhom.


Il-prestigju tal-mexxejja

Naturalment, dan gab bidla fir-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u l-istat civili. Wara l-ghoti tal-Indipendenza lill-gzejjer Maltin mill-Gran Britannja fil-21 ta’ Settembru tal-1964, l-istat civili beda jissahhah dejjem aktar bhala prezenza kulturali. Ir-rikonoxximent tieghu fi hdan komunitajiet internazzjonali―bhall-Kunsill tal-Ewropa u l-Gnus Maghquda; imbaghad l-Unjoni Ewropea―kompla jaghmlu l-punt uniku ta’ riferiment fi hwejjeg li jmissu mill-qrib il-hajja tal-Maltin u l-Ghawdxin.

Sa l-Indipendenza, il-fus tat-thassib tal-gvern kolonjali Ingliz f’dak li ghandu x’jaqsam mal-hajja socjali Maltija ma kienx primarjament mal-politici, imma mal-Knisja Kattolika. Il-prestigju tal-awtoritajiet ekklezjastici u l-harsien tad-drittijiet tal-Knisja Kattolika kien aktar importanti ghalih milli dawk tal-politici. Izda dan kollu nbidel meta l-istat civili ha f’idejn ir-riedni tal-pajjiz fl-Indipendenza u l-politici Maltin saru dawk li fil-fatt idawwru t-tmun.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?