L-irresponsabbiltà tal-Ministru George Vella

Jiddispjaċini ferm ngħidha. Iżda l-kummenti li għamel madwar xahar ilu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, dwar l-istat kostituzzjonali ta’ Malta, kienu mill-aktar irresponsabbli. Ebda Ministru tal-gvern ma jista’ jitkellem addoċċ, aħseb u ara l-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’qagħda daqshekk prekarja li tinsab fiha x-xena internazzjonali. Fis-sustanza tagħhom, il-kummenti tal-Ministru Vella kienu, l-ewwel, li l-klawsola tan-newtralità fil-Kostituzzjoni ta’ Malta mhijiex xierqa aktar għaliex ma tipproteġġiniex biżżejjed mill-militanti Iżlamiċi, u, it-tieni, li Malta għandha tibda tikkunsidra qribija akbar man-NATO. Kummenti ‘laxki’ bħal dawn, mhux biss jagħmlu għajb lil min, f’kariga hekk għolja, jgħidhom mingħajr kunsiderazzjoni biżżejjed, mhux biss jagħmlu għajb lill-Partit Laburista fil-gvern, iżda jagħmlu għajb, fuq kollox, lill-wirt politiku Malti li ilu jintiseġ b’tant sagrifiċċji u bżulija għal mill-anqas sittin sena. Dan minbarra li l-argumenti li uż...