Ir-riżenja tal-Arċisqof

Dwar ir-riżenja tal-Arċisqof Pawlu Cremona ġimgħa ilu sar ħafna paroli fil-vojt. Kien hemm min ried jgħid xi ħaġa flok ma jgħid xejn. Kien hemm min ried jagħti impressjonijiet ħżiena. U kien hemm min parla mingħajr ma stħarreġ sewwa l-affarijiet. Jien qed nikteb hawnhekk sempliċiment għar-rekord. Biex, għall-anqas, min ’il quddiem jiġi biex jirriċerka l-istorja jkun jaf iqis xi ftit aħjar dak li ġie mxandar fil-gazzetti. Il-paroli li sar Dawk li qalu xi ħaġa flok ma qalu xejn għoġobhom jaraw fir-riżenja tal-Arċisqof storja ta’ manuvrar u kompliċitajiet ta’ natura primarjament politika. Dawn aktar tkellmu dwar dak li xtaqu li qiegħed iseħħ milli dwar dak li fil-fatt kien qed jiġri. Ma kellhomx is-sens jagħmlu s-sempliċi distinzjoni li teżisti bejn il-kwalitajiet personali li jkollu persuna u l-ħidma amminstrattiva li kapaċi jwettaq. Dawk li riedu jagħtu impressjonijiet ħżiena ċarlaw dwar it-tempesta f’kikkra li nħolqot minn ċerti qassisin f’Awwissu li għadda bħallikieku kienu da...