Il-gwerra ta’ Obama

Waħda mill-battalji l-aktar jaħarqu tal-kampanja elettorali li kienet wasslet lil Obama fil-quċċata
tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika kienet il-mod kif dan il-pajjiż li għamel lilu nnifsu ‘pulizija tad-dinja’ kienet se jittratta mal-hekk imsejħa terroristi Iżlamiċi. Obama kien ħalef li ma jirrepetix l-iżbalji tal-president ta’ qablu u ma jdaħħalx lill-Amerika fi gwerer militari oħra, anzi li jrażżan dawk li kienu diġà għaddejja. Ir-Repubblikani tgħidx kemm kienu għajruh dgħajjef. Issa, wara ħames snin ta’ presidenza, Obama jinsab maqbud fi gwerra oħra, waħda li hu jsejħilha ‘limitata’.

Gwerer ‘limitati’

Għalkemm il-gwerra li beda Bush fl-Afganistan fl-2001, sal-lum Obama ma rnexxilux irażżana għal kollox, fl-2011 waqqaf dik li kienet ilha għaddejja sa mill-2003 fl-Iraq. Iżda fl-istess sena (2011) Obama daħħal lill-Amerika fi gwerra ġewwa l-Libja, u issa, sa minn Ġunju li għadda, inqabad fi gwerra oħra kontra l-‘Istat Iżlamiku’ fl-Iraq u s-Sirja.

Iżda Obama jinsisti li, la l-gwerra fil-Libja u lanqas din, ma huma gwerer bħalma kien għamel Bush. Dawn, isostni, huma gwerer ‘limitati’, għax ma jinvolvux truppi tal-art, iżda flotot navali u tal-ajru biss. Din hi distinzjoni fina li prattikament ftit tikkonvinċi lil kulħadd. Terġa’ u tgħid, legalment dawn il-gwerer setgħu marru saħansitra kemxejn lil hinn mill-interpretazzjoni li Bush kien jagħti lill-Kostituzzjoni u s-setgħat presidenzjali f’każ ta’ gwerra uniliterali (jiġifieri waħda li fiha l-Amerika tattakka mingħajr ma hi attakkata direttament).

Għalkemm legalment il-President jeħtieġ il-kunsens tal-Kungress Amerikan jekk l-‘użu neċessarju u xieraq tal-forza’ jaqbeż sittin jum mill-ewwel intervent, Obama ma talabx il-kunsens tal-Kungress fil-gwerra ġewwa l-Libja, għax, skont hu, l-Amerika ma kinetx fi stat ta’ gwerra. Fil-każ tal-Istat Iżlamiku, il-kunsens intalab u ngħata, iżda sempliċiment ‘biex l-Amerika tkun magħquda’ fl-azzjoni tagħha.

Osservaturi politiċi

Dawn jistgħu jidhru finezzi legali―li effettivament, aktar ma mmorru, iwessgħu l-interpretazzjoni tal-liġi Amerikana tal-gwerra dejjem aktar. Mitt darba u elf. Iżda wieħed forsi aktar għandu jinnota kif il-gwerra tiġi ttrattata mill-osservaturi politiċi.

Meta Bush daħħal lill-Amerika fil-gwerra, filwaqt li l-Konservattivi faħħruh, il-Liberali tgħidx kemm għajruh. Issa qed jiġri bil-kontra. Il-Konservattivi qed jgħajru lil Obama filwaqt li l-Liberali qed japprovawh. L-attitudni tinbidel skont min hemm President. Huwa ċar li l-preġudizzju jirbaħ fuq il-ġudizzju; l-emozzjoni fuq ir-raġuni.

Naturalment, it-tema tal-gwerra u l-ħtieġa tagħha hi dejjem kwestjonabbli. Anki jekk wieħed jevita l-estremi―li l-gwerra hi dejjem neċessarja jew li l-gwerra ma qatt neċessarja―xorta waħda jibqa’ f’territorju dubjuż ħafna. Jidher li Obama qed jagħmel il-minimu f’dan il-qasam, saħansitra sal-punt li qed jiġi mgħajjar beżżiegħ u dgħajjef. Ċertament, il-pożizzjoni tiegħu la hija sempliċi u wisq anqas faċli.

Versjoni moderata

Kollox ma’ kollox, Obama jista’ jidher li hu versjoni moderata tal-mudell tipiku Amerikan ta’ dawn l-aħħar tmenin sena. Il-fatt li hu tal-Partit Demokratiku b’tendenzi teoretiċi liberali ma jwarrbuhx mill-kwadru ġenerali imperjalistiku Amerikan. Wieħed ma jistenniex anqas. Għall-anqas, speċjalment f’relazzjoni mal-President ta’ qablu, jipprova jkun aktar koerenti fil-pożizzjonijiet li jieħu, l-aktar fil-politika barranija tiegħu.

Jirnexxilux hija ħaġa oħra. Evidentement, bosta drabi ma jidhirx li jkun jista’ jieqaf għall-pressjoni li tinħoloq fuqu, bħalma ġara wara l-qtil mill-Istat Iżlamiku tal-ġurnalist Steven Sotloff fit-2 ta’ Settembru li għadda, u l-qtil tal-Alan Henning xahar wara.

Ir-rwol militaristiku tal-Amerika (flimkien man-NATO) ma tidhirx li se tbatti kif ġieb u laħaq. Anzi, jidher li se tiżdied. Jista’ jkun li għad jiġi żmien meta s-sitwazzjoni tant tmur għall-agħar li nibdew ngħidu li ż-żmien ta’ Obama fid-Dar il-Bajda kien wieħed mill-aħjar. Dan ma jfissirx li kien tajjeb għal kollox, iżda għall-anqas ma kienx mument fejn l-Amerikani fittxew il-ġlied, imma żmien fejn ipprovaw iżommu mill-ġlied jikber.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?