Ċassi aktar minn ħajt
Xi wħud mill-monumenti nazzjonali Dan l-aħħar sibt l-okkażjoni biex inżur it-tliet monumenti li saru għal Gwido Demarco, Ċensu Tabone u Duminku Mintoff ... u ma qaluli xejn! Mhux għax stennejt li l-bronz jitkellem, għax naf li s-soltu dan ma jagħmlux, ... imma l-arti tagħhom iva. Iva, stennejt li l-arti tal-monumenti tgħidli xi ħaġa dwar it-tliet persunaġġi. Kulma sibt kienu figuri ċassi li jħalluk kiesaħ u biered daqs il-bronz li jsawwarhom. Il-lingwaġġ artistiku Inzertajt kont xi ftit jew wisq naf lit-tlieta min-nies li għalihom saru l-monumenti. Tkellimt magħhom kemm-il darba u, għalkemm kienu lkoll akbar minni ħafna fl-età, diversi drabi ħadu l-ħin u l-paċenzja li jitkellmu miegħi. It-tlieta kienu nies li nirrispetta. Wieqaf quddiem il-monumenti tagħhom, bħal donnu stennejt li se nilmaħ xi ftit minn dak id-dinamiżmu, is-simpatija, l-intelliġenza u l-affibbilità li lkoll kellhom b’modi differenti. Stennejt li, għal ġenerazzjonijiet ġejjiena, kien se jitħalla xi xrara mill