Kuba tirtab?

Xahar ilu, fis-17 ta’ Diċembru, il-President Amerikan Barak Obama għamel stqarrija li għaġġbet lil kulħadd. Ħabbar li kien se jniedi politika differenti fir-rigward ta’ Kuba, politika ta’ ‘normalizzazzjoni’ bejn iż-żewġ pajjiżi. L-aħbar intlaqgħet kemm b’ferħ minn miljuni ta’ nies, fosthom Kubani, iżda wkoll b’dehxa minn miljuni oħrajn, partikularment Konservattivi. Bosta oħrajn raw fl-aħbar il-bidu tat-tmiem ta’ Kuba.

‘Normalizzazzjoni’

Fost ħwejjeġ oħra, Obama qal li, sehem qawwi fid-deċiżjoni tiegħu, kienu tawh żewġ ittri li l-Papa Franġisku kiteb fis-sajf ta’ qabel, waħda lilu, u l-oħra lil Raul Castro, il-mexxej ta’ Kuba. Fl-ittri tiegħu, il-Papa b’mod mill-aktar sempliċi ħeġġeġ liż-żewġ kapi tal-Istat sabiex jersqu lejn xulxin, iġibu fi tmiemu l-konflitt twil ta’ bejniethom, u jfittxu xi tip ta’ relazzjoni paċifika.

Obama ħa x-xoqqa f’moxtha u ta bidu għal sensiela ta’ attivitajiet minn wara l-kwinti sabiex l-Amerika ‘tinnormalizza’ r-relazzjoni tagħha ma’ Kuba. Dan tal-aħħar wieġeb b’mod pożittiv, u l-affarijiet minn hawnhekk bdew mixjin b’mod mgħaġġel sakemm xahar ilu ż-żewġ gvernijiet nidew era ġdida fil-ġrajja ta’ bejniethom.

Infatti, f’dan l-aħħar xahar diġà seħħew ħwejjeġ inkuraġġjanti. Inħelsu l-priġunieri poltiċi, bosta Kubani bdew jitħallew jgħaddu minn pajjiż għall-ieħor, infetħu linji ġodda ta’ traffiku bil-baħar u l-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi, u bdew jinbnew rabtiet ġodda għal bdil kummerċjali.

Tmiem ta’ era

Din il-ġimgħa li ġejja, proprju nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, se jibdew taħdidiet uffiċjali bejn il-gvernijiet ta’ Kuba u l-Istati Uniti biex ikomplu jiżviluppaw in-‘normalizzazzjoni’ ta’ bejniethom. Barra dan, hu diġà deċiż li, fil-11 ta’ April li ġej, Obama se jiltaqa’ personalment ma’ Raul Castro ġewwa l-Panama.

Dan ġab fi tmiemu nofs seklu ta’ relazzjonijiet mill-aktar ħżiena bejn l-Amerika u Kuba. Sa mir-revoluzzjoni ta’ Fidel Castro fl-1959 lil hawn ma kienx hemm waqt wieħed nieqes mit-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. F’Ottubru tal-1962 għal ftit ma kkawżawx gwerra nukleari bejn l-Amerika u l-Unjoni Sovjeta. L-Amerika spiss ippruvat tinvadi Kuba, speċjalment fl-1961. Aktar spiss kienu l-attentati fuq il-ħajja ta’ Fidel Castro min-naħa Amerikana.

L-embargo kummerċjali, ekonomiku u finanzjarju tal-Amerika fuq Kuba kien ilu li beda fl-1960 mill-President Kennedy. Issa, aktar minn nofs seklu wara, beda ġej fi tmiemu. Iżda dan xi jfisser? Aktarx ifisser li l-kontroll formidabbli li Kuba rnexxiela żżomm fuq l-ideali tar-revoluzzjoni, speċjalment fir-rigward tat-tqassim tal-ġid tal-pajjiż u ta’ ugwaljanza ekonomika, jista’ jibda jintemm ukoll.

Suq miftuħ beraħ

Bin-‘normalizzazzjoni’, is-suq Kuban jista’ jerġa’ jinfetaħ għall-ispekulaturi qawwija Amerikani. F’dan l-aħħar nofs seklu, il-kapitalist f’Kuba qajla seta’ jerfa’ rasu. Iżda issa din il-possibbiltà tista’ ma tkunx il-bogħod. Is-suq Amerikan diġà tefa’ għajnejh fuq Kuba, għall-anqas skont diversi osservaturi politiċi u ekonomiċi, speċjalment jisfrutta liż-żgħir u biex jibda joħloq ġganti finanzjarji, ekonomiċi jew kummerċjali ġodda.

Ċertament, il-kwestjoni tan-‘normalizzazzjoni’ mhijiex biss dwar emigrazzjoni jew refuġjati, kif xi wħud donnhom jindikaw biss. Aktarx hi fuq kollox kwestjoni ekonomika. Is-suq Kuban, magħluq għall-qawwa tal-intrapriża Amerikana, issa bil-mod il-mod se jiftaħ il-bibien tiegħu. Dan, għal xi wħud, hu l-akbar periklu li n-‘normalizzazzjoni’ qiegħda toħloq.

F’dan is-sena, għalhekk, Obama qed joħroġ il-far mit-toqba bil-kelma t-tajba. Dak li ma rnexxilhom jagħmlu l-Presidenti mustaċċuni ta’ qablu—jiġifieri li jeqirdu r-revoluzzjoni Kubana—forsi Obama se jagħmlu mod ieħor. Mhux bil-ġlied u s-sabutaġġi, lanqas bit-theddid u l-ispjunaġġi, iżda b’kelma li tħoll u bi tbissima li tiġbed il-qlub.

Nagħġa u lupu

Min-naħa tiegħu, Raul Castro wiegħed li, filwaqt li trid ‘tinnormalizza’ r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Uniti, Kuba mhijiex “se tiċħad ebda waħda mill-prinċipji tagħha”. “Kulma se jiġri,” wiegħed Castro, “hu li s-Soċjaliżmu prosperu u sostenibbli tagħna se jiġi aġġornat.”

Għal xi wħud dan idoqq qanpiena kbira ta’ allarm, speċjalment għal dawk li għadhom jemmnu fl-imgħoddi revoluzzjonarju Kuban. Għal dawn, in-‘normalizzazzjoni’ ma tfissirx għajr ftehim bejn nagħġa u lupu perikoluż.

Il-verità nkunu nafuha biss fis-snin li ġejjin. Forsi tabilħaqq Kuba waslilha ż-żmien biex tirtab.






Comments

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful