Ġenna fuq l-art

Kieku qatt kien hawn xi tip ta’ mexxej li ma ħolomx b’xi ġenna fuq l-art. Għall-anqas wieħed li ma wegħidhiex. Kull mexxej li ħa jew ried jieħu f’idejh xi setgħa politika fuq ħaddieħor dejjem—imma DEJJEM—wiegħed li jaf kif joħloq ġenna fuq l-art għas-segwaċi tiegħu. Alexis Tsipras tal-Greċja forsi hu wieħed minn tal-aħħar. Iżda l-lista tal-‘messijji’, fil-fatt, ma tispiċċa qatt. U kollha fallew. Wegħdiet ta’ ġenna Ibda, jekk trid, minn Abraham fil-Bibbja (li ħolom bil-famuża ‘art imwiegħda’), kompli b’Mosè (li twebbel b’art ‘tnixxi l-ħalib u l-għasel’) u spiċċa b’kemm nies trid: Alessandru l-Kbir, Genghis Khan, Cleopatra, Mao, Hitler, Che Guevara, Lenin, Bolívar, Qin Shi Huang, De Gaulle, Lwiġi XIV, Haile Selassie, Kim Il-Sung, Rikardu Qalb ta’ Ljun, ... u eluf ta’ nies oħra. Ilkoll wiegħdu xi ġenna fuq l-art. L-isbaħ kien il-patrijarka Ġakobb li, fil-ġlieda għas-setgħa ma’ ħuħ Eżaw, ħolom b’sellum mill-art sas-sema bl-anġli tilgħin u niżlin miegħu. Żgur li qatt ma kien hemm prog...