Ġenna fuq l-art

Kieku qatt kien hawn xi tip ta’ mexxej li ma ħolomx b’xi ġenna fuq l-art. Għall-anqas wieħed li ma wegħidhiex. Kull mexxej li ħa jew ried jieħu f’idejh xi setgħa politika fuq ħaddieħor dejjem—imma DEJJEM—wiegħed li jaf kif joħloq ġenna fuq l-art għas-segwaċi tiegħu. Alexis Tsipras tal-Greċja forsi hu wieħed minn tal-aħħar. Iżda l-lista tal-‘messijji’, fil-fatt, ma tispiċċa qatt. U kollha fallew.

Wegħdiet ta’ ġenna

Ibda, jekk trid, minn Abraham fil-Bibbja (li ħolom bil-famuża ‘art imwiegħda’), kompli b’Mosè (li twebbel b’art ‘tnixxi l-ħalib u l-għasel’) u spiċċa b’kemm nies trid: Alessandru l-Kbir, Genghis Khan, Cleopatra, Mao, Hitler, Che Guevara, Lenin, Bolívar, Qin Shi Huang, De Gaulle, Lwiġi XIV, Haile Selassie, Kim Il-Sung, Rikardu Qalb ta’ Ljun, ... u eluf ta’ nies oħra. Ilkoll wiegħdu xi ġenna fuq l-art.

L-isbaħ kien il-patrijarka Ġakobb li, fil-ġlieda għas-setgħa ma’ ħuħ Eżaw, ħolom b’sellum mill-art sas-sema bl-anġli tilgħin u niżlin miegħu. Żgur li qatt ma kien hemm programm governattiv daqstant imlewwen ... u sfaċċat. Iżda b’daqshekk mhux anqas fantastiku minn tal-aspiranti politiċi kollha li ġew qablu jew warajh.

Għax xi ftit jew wisq dejjem wiegħdu lin-nies l-istess ħaġa li wiegħed hu: “Agħtuni s-setgħa f’idejja u nagħtikom ġenna fuq l-art! Ħalluni naħkem fuqkom u taraw kif inżommkom fuq wiċċ l-idejn! Bija b’kap tagħkom ma jiddispjaċikomx żgur!”

Twemmin li jfalli

Kulmin għamel dil-wegħda—u kienu l-eluf li għamluha u li ġew fdati—dejjem raddew l-istess ħaġa: is-sottomissjoni tal-ħafna taħt il-ftit. Kull politiku li qatt ħa s-setgħa f’idejh, kemm bil-ħażin u kemm bit-tajjeb, dejjem imbagħad għamel li ried u li qabel lilu. Mhux bilfors għax kien bniedem ħażin. Iżda għax is-setgħa hekk tagħmel.

Kull setgħa politika bħal din, fejn il-ftit jaħkmu fuq il-ħafna, toħloq jew tkattar sistema ta’ dominazzjoni. U kull sistema ta’ dominazzjoni hi xi ftit jew wisq dejjem oppressiva. In-nies dejjem jemmnu li s-setgħa ta’ wara se tkun aħjar minn ta’ qabilha; dejjem jemmnu li l-‘messija’ l-ġdid mhux se jkun bħal ta’ qablu.

Dan it-twemmin dejjem ifalli. Għax meta bniedem jaħkem fuq ieħor, meta bniedem jagħmel lil ieħor sottomess għalih, meta bniedem jiddelega s-setgħa tiegħu lil ħaddieħor, dejjem jiġri l-istess. Jiġri li jkun hemm min jagħmel il-liġijiet u jagħti l-ordnijiet, u min ikollu jobdihom. Il-ġenna fuq l-art, wara kollox, jekk ma ssirx infern sħiħ, għallanqas tkun purgatorju.

Hekk biss

Ġenna fuq l-art titwaqqaf biss meta kulħadd ikun daqs kulħadd. Mhux meta xi ħadd ikun fuq ħaddieħor jew meta xi ħadd ikun taħt xi ħadd. Ma jista’ jkollok qatt ebda ġenna meta għandek ’il min jikkmanda u ’l min jobdi. Politika li taħdem b’sistema ta’ kmandi u ubbidjenza, ta’ delegazzjonijiet u rappreżentazzjonijiet, ma tista’ qatt tiġġenera la ġenna u la nofsha u lanqas biċċa minnha.

Tiġġenera biss tirrannija. Kbira jew żgħira. Iżda tirannija xorta waħda.

Il-ftit hena għall-bniedem fuq l-art tista’ tinħoloq biss meta l-fruntieri ta’ bejn il-bnedmin jintemmu u meta l-ġerarkiji kollha jinġiebu fix-xejn. Meta ebda bniedem ma jkun sudditu ta’ ieħor. U meta ħadd ma jikkmanda, iżda kulħadd jiftiehem wieħed mal-ieħor. Meta jispiċċaw is-sidien kollha. Meta l-bnedmin ikunu lkoll sieħba ta’ xulxin.

Hekk biss nistgħu noqorbu lejn l-aħjar ġenna li tista’ teżisti fuq l-art.


Comments

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?