Inti x’qed taħseb?

Fil-filosofija jingħataw ħafna raġunijiet għala l-annimali (fosthom il-bnedmin) jifhmu jew ma jifhmux lil xulxin. Il-ħila għall-komunikazzjoni, kemm lingwistika u kemm mhux, tiffaċilita l-ftehim daqskemm tfixklu. Xi kultant lanqas aħna ma niftiehmu bejniena bil-Malti, aħseb u ara kemm jistgħu jiftiehmu bniedem u namla. Il-logħob lingwistiku Imma oħroġ il-għaġeb, bi sforz aktarx kbir u b’ħafna paċenzja, il-bniedem jasal ukoll biex jiftiehem ma’ xi wħud mill-annimali, allavolja ma jaqsmux bejniethom lingwaġġ verbali komuni. Jien rajt b’għajnejja stess nies jiftiehmu perfettament ma’ żwiemel, sriep, ġrieden, mogħoż, għasafar ta’ kull sura, ħnieżer u delfini, biex ma nsemmix, ovvjament, klieb u qtates. F’dawn il-każijiet kollha, in-nies u l-annimali kienu prattikament iqumu u jorqdu ma’ xulxin b’mod li kellhom l-okkażjoni josservaw u jiftakru, fuq medda kemxejn twila ta’ żmien, il-ħajja ta’ xulxin fl-irquqijiet kollha ta’ drawwietha. Biex nisiltu l-kliem minn waħda mill-aktar teori...