Inti x’qed taħseb?

Fil-filosofija jingħataw ħafna raġunijiet għala l-annimali (fosthom il-bnedmin) jifhmu jew ma jifhmux lil xulxin. Il-ħila għall-komunikazzjoni, kemm lingwistika u kemm mhux, tiffaċilita l-ftehim daqskemm tfixklu. Xi kultant lanqas aħna ma niftiehmu bejniena bil-Malti, aħseb u ara kemm jistgħu jiftiehmu bniedem u namla.

Il-logħob lingwistiku

Imma oħroġ il-għaġeb, bi sforz aktarx kbir u b’ħafna paċenzja, il-bniedem jasal ukoll biex jiftiehem ma’ xi wħud mill-annimali, allavolja ma jaqsmux bejniethom lingwaġġ verbali komuni. Jien rajt b’għajnejja stess nies jiftiehmu perfettament ma’ żwiemel, sriep, ġrieden, mogħoż, għasafar ta’ kull sura, ħnieżer u delfini, biex ma nsemmix, ovvjament, klieb u qtates.

F’dawn il-każijiet kollha, in-nies u l-annimali kienu prattikament iqumu u jorqdu ma’ xulxin b’mod li kellhom l-okkażjoni josservaw u jiftakru, fuq medda kemxejn twila ta’ żmien, il-ħajja ta’ xulxin fl-irquqijiet kollha ta’ drawwietha. Biex nisiltu l-kliem minn waħda mill-aktar teoriji lingwistiċi magħrufa fil-filosofija, jidher li l-ftehim ta’ bejniethom waslu għalih meta t-tnejn fehmu l-‘logħob lingwistiku’ ta’ xulxin.

Skont din it-teorija, kull ‘logħba lingwistika’ ma hi xejn għajr indikazzjoni ta’ ‘għamla ta’ ħajja’. Fi kliem ieħor, l-għamla li biha annimal jgħix hija lingwaġġ sħiħ li bih jesprimi ruħu. Tibda tifhem xi jrid jgħid meta ssir taf kif jgħix fl-irquqijiet kollha.

Fondoq bla qjies

Minkejja l-ġenjalità ta’ din it-teorija, ma jidhirx li weħidha hi biżżejjed biex tfisser sewwa għala xi nies, imqar tal-istess ‘għamla ta’ ħajja’, iħossu li ma jistgħux jiftiehmu (u bil-kemm jitħaddtu) bejniethom. Għala jseħħ dan il-ferq komunikattiv qawwi?

Jidhirli jien li, biex tħoss li hemm ftuħ komunikattiv ma’ bniedem, trid tkun taf l-ieħor x’inhu jaħseb. Jekk bniedem ma tafx x’inhu għaddej minn moħħu, ma jistax ikun hemm wisq komunikazzjoni sinifikattiva miegħu. Jista’ jkun li l-‘logħob lingwistiku’ tiegħu tkun tafu tajjeb, kif ukoll l-‘għamla ta’ ħajtu’ wkoll. Iżda xorta waħda tħoss li hemm fondoq bejnek u bejnu, fondoq li jrażżan il-komunikazzjoni u jżomm lit-tnejn imċaħħdin minn xulxin.

Dan jiġri spiss bejn nies li għexu flimkien għal ħafna snin iżda li, wara madwar daqstant snin ta’ inkomprensibbiltà, waslu sa punt ta’ inkompatibbiltà paralizzanti. Sabu ruħu b’qagħda fejn ma jistgħux ikunu jafu aktar l-ieħor x’inhu taħseb. Għaldaqstant, ma jiġihom xejn f’moħħhom x’jgħidu lil xulxin. L-aktar l-aktar jistgħu joqogħdu fil-preżenza ta’ xulxin (jekk dan ikun sopportabbli) mingħajr ma jkunu qegħdin jifhmu xejn.

Interess komuni

B’liema lsien wieħed jitkellem jew is-sura ta’ ħajtu li jsawwar dak l-ilsien m’għandhomx eżattament x’jaqsmu ma’ dak li huwa jaħseb — jew, għallanqas, huma ħwejjeġ li wieħed jista’ jqis separatament. Hemm rabta bejniethom, naturalment, iżda ma tidhirx li hi daqshekk essenzjali f’kull waqt partikulari. Dan hu l-waqt—fil-preżent—li jġib il-firda.

Meta ma tafx bniedem x’inhu jaħseb, jew m’għandekx ħjiel ta’ x’jista’ għandu mnejn qiegħed jaħseb, dak il-bniedem isir totalment estranju għalik. Isir bħallikieku oġġett inkomunikabbli. L-agħar hu li, aktarx iva milli le, int tkun għalih bħallikieku oġġett ukoll, inkomunikabbli daqsu. Żewġ oġġetti li m’għandhomx komunikazzjoni ma’ xulxin; żewġ oġġetti magħluqin fil-preġudizzji u l-prekunċetti tagħhom infushom.

Biex tingħeleb din l-inkomunikabbiltà tal-ħsieb jeħtieġ, nifhem jien, li jinstab millanqas interess komuni wieħed bejn il-persuni. Fuq dan l-interess, ikun xi jkun, ikun jista’ jerġa’ jiġi stabbilit xi tip ta’ kommunikazzjoni. Minn hawn, imbagħad, wieħed jista’ jibda jsir xi ftit midħla ta’ x’inhu jaħseb l-ieħor.

Iżda mingħajr dan il-pass fundamentali, il-moħħ u l-ħsieb tal-ieħor jibqa’ misteru mudlam u inskrutibbli. Nemmen li pass bħal dan hu dejjem possibbli fejn hemm ir-rieda u d-determinazzjoni.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?