Sagrament wieħed

Kulmin hu xi ftit midħla tal-Knisja Kattolika jaf li dawk li jissejħu ‘sagramenti’ jingħad li huma sebgħa fil-għadd. Dawn is-sagramenti huma rregolati mill-liġi tal-Knisja (id-‘Dritt Kononiku’). Iżda f’dan kollu wieħed għandu mnejn malajr jinsa—b’xi ftit ta’ dannu serju—li dawn is-sagramenti huma biss sinjal u għodda ta’ Sagrament wieħed biss: Ġesù Kristu.

L-għadd tas-sagramenti

Qabel l-1547 ma kienx ċar għal kollox kemm kien l-għadd tas-‘sagramenti’. Min kien jgħid li kienu xi ftit jew wisq sebgħa (il-Kattoliċi), min tnejn (il-Protestanti) u min bosta (l-Ortodossi). Fl-1547, il-Konċilju ta’ Trentu qatagħha definittivament li ‘min jgħid li s-sagramenti huma aktar jew anqas minn sebgħa huwa misħut’ (Sezz. III, Can. I). Għalkemm din id-dikjarazzjoni ċċarat l-affarijiet għall-Kattoliċi, ma tantx impressonat il-bqija tal-Insara.

Il-kwestjoni kienet aktar legali milli ħaġa oħra. Għax fil-fatt l-Insara kollha jistqarru li, filwaqt li s-sagramenti huma sinjali tal-grazzja li Alla jagħti lill-bnedmin, l-uniku għajn ta’ din il-grazzja hu biss Ġesù. Fi kliem ieħor, minkejja d-dikjarazzjoni legali ta’ Trentu, jekk irridu nkunu preċiżi jmissna ngħidu li jeżisti Sagrament wieħed biss: Ġesù. Il-bqija—sebgħa, tnejn, mija—huma biss sinjali tal-grazzja li Alla jagħti permezz tiegħu.

Għalkemm id-Dritt Kanoniku ma jgħid xejn dwar dan (ara, ngħidu aħna, Ktieb IV), il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jistqarr li dawk imsejħin sagramenti huma biss sinjali u għodod u xejn aktar (nru. 774). Jgħid ukoll li, f’dan is-sens, anki l-Knisja tista’ tissejjaħ sagrament (nru. 775). Dan hu kkorroborat minn Santu Wistin, li jgħid li ‘ma hemmx sagrament ieħor ta’ Alla għajr Kristu’ (Epis. 187,11, 34: PL 33, 846).

Dannu pastorali

Għaldaqstant, huwa Ġesù biss l-uniku għajn tal-grazzja. Minn din l-għajn jieħdu t-tifsira u l-effikaċja tagħhom il-Knisja b’mod ġenerali, is-seba’ ‘sagramenti’ b’mod partikulari, u kull ħaġa oħra li tagħmel il-Knisja bħala Knisja. Kulfejn tintwera b’mod reali daqskemm simboli l-grazzja divina, hemmhekk hemm l-azzjoni tal-uniku Sagrament, li hu Ġesù.

L-insistenza, kważi mhux flokha, fuq għadd żgħir ta’ ‘sagramenti’ jew fuq atti liturġiċi speċifikament ‘sagramentali’, tnessi l-qofol u l-essenzjalità tas-Sagrament wieħed u uniku. Barra minn hekk, hi insistenza purament legali bl-implikazzjonijiet regolatorji kollha li din il-legalità ġġib magħha.

F’termini pastorali, dan irażżan jew iċaħħad lil xi nies milli jirċievu s-sinjali tal-grazzja divina f’ħajjithom. Ma jċaħħadhomx u ma jrażżanhomx—dan qatt—milli jirċievu l-grazzja tas-Sagrament ewlieni u uniku. Iżda biss mis-sinjali tiegħu. B’hekk jonqos serjament milli jkun għodda xierqa ta’ salvazzjoni.

Mentalità legalista

Il-mentalità legalista li tħalliet tinvadi kull fibra u rokna tal-ħajja spiritwali, teoloġika u pastorali tal-Knisja hija ta’ dannu bla qjies bħall-istess Knisja u għall-poplu ta’ Alla. Hija biddlet ix-xbieha tal-Knisja aktar f’istituzzjoni milli f’att divin ta’ mħabba u redenzjoni. Hija dejqet is-sura tal-universalità tal-ħniena divina u, diżgrazzjatament, naffret kemm-il bniedem milli jqis lilu nnifsu iben Alla.

Jekk il-Knisja trid terġa’ ssir il-ferħ u t-tama tal-bniedem tal-lum ma tistax ma tirrevedix id-dommatika, il-morali u l-pastorali tagħha biex issaffihom minn din il-mentalità legalistika korruttriċi u ngannevoli. Ma tistax ma tagħtix post ewlieni lill-aspett ‘mistiku’, biex insejjaħlu hekk, tal-ħsieb u l-prattika tagħha.

Din kienet il-battalja ħarxa li ġġieled San Pawl fi żmienu u, fl-essenzjal u l-implikazzjonijiet tagħha, hi l-istess battalja li jeħtieġ nissieltu llum. Bħalma għallimna Ġesù stess tul ħajtu, ir-relevanza mġedda tal-Knisja żgur mhijiex se tiġi minn insistenza fuq qbil akbar u aktar strett mal-liġi, daqskemm mill-iskoperta u l-esplorazzjoni mill-ġdid tal-ispirtu tar-reliġjon.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?