It-Tmien Kmandament

It-tmien kmandament huwa ‘La tisraqx’. Il-kliem tiegħu donnu jifhmu kulħadd mingħajr diffikultà. Kulħadd jifhem li ħadd m’għandu jqis bi proprjetà tiegħu dik il-proprjetà li hi ta’ ħaddieħor. Infatti, kulħadd iqis dan il-kmandament bħala l-pilastru ewlieni tal-kunċett u l-filosofija tal-proprjetà privata. Iżda dak li ħafna ma jqisux huwa li, fil-fatt, il-kmandament ma jgħidx ‘La tisraqx’. It-traduzzjoni tal-kliem ta’ dan il-kmandament hija mbagħbsa.

Il-kliem oriġinali

Jekk tmur tfittex il-versjoni Lhudija oriġinali tal-Bibbja fil-Ktieb tal-Eżodu (kapitlu 20, vers 15) issib li t-tmien kmandament jgħid: ‘La tġenobx’; mill-għerq ‘ġanab’. Kif tista’ tintebaħ, fortunatament il-verb jixbah ħafna l-kelma Maltija ‘iġġenneb’, jiġifieri tqiegħed fil-ġenb, twarrab, iżżomm għalik innifsek jew tikseb b’qerq. Preċiżament, hu dan li t-tmien kmandament jgħid: ‘La ġġennibx’, mhux la tisraqx, kif spiss jiġi tradott (ukoll minn Saydon).

Kien b’dan il-verb u d-derivazzjonijiet tiegħu li l-Lhud kienu jidħaddtu dwar dak li aħna nsejħulu serq. Però, hemm differenza essenzjali u fundamentali bejn it-tnejn. Għax filwaqt li l-kelma li nużaw aħna (‘serq’) timplika li xi ħadd ħa xi ħaġa li hi l-proprjetà privata ta’ xi ħadd ieħor, il-kelma Lhudija m'għandhiex din l-implikazzjoni privata.

Kull espert jgħidlek li l-kelma Lhudija tfisser li xi ħadd għamel tiegħu xi ħaġa li kienet proprjetà ta' kulħadd – proprjetà kollettiva. Għaldaqstant, ir-rabta tal-kmandament Lhudi ‘La ġġennibx’ hija mal-proprjetà komuni, mhux mal-proprjetà privata. It-tmien kmandament, fil-fatt, ma jitħadditx dwar li xi ħadd jieħu l-proprjetà privata ta’ xi ħadd ieħor mingħajr ma għandu dritt għaliha (bħalma timplika l-kelma ‘serq’), iżda li l-proprjetà komuni jagħmilha proprjetà tiegħu personali: iġennibha għalih innifsu.

Ġesù u l-proprjetà privata

It-tmien kmandament jiġi tradott bħala ‘La tisraqx’ biex impliċitament jisħaq fuq il-prinċipju tal-proprjetà privata u jnessi li l-Bibbja ma temminx f’dan il-prinċipju. Infatti, l-istruttura ekonomika Mosajka (ta’ Mosè) qatt ma ħaddnet dan il-kunċett ta’ proprjetà privata, iżda dejjem ta’ proprjetà komuni.

M’għandniex l-ispazju biex nidħlu f’dan hawnhekk bħalissa. Iżda ngħidu biss li kien mijiet ta’ snin wara, meta twaqqfet is-saltna ta’ Iżrael, li l-kunċett ġie mħaddan (minkejja l-oppożizzjoni tal-profeti kollha). Ħafna snin wara, Ġesù xandar ir-restawrazzjoni tas-sistema Mosajka oriġinali ta’ qabel il-korruzzjoni li ġabet magħha s-saltna ta’ Iżrael.

Hu f’dan is-sens li Ġesù dejjem tkellem dwar it-‘tġennib’ tal-proprjetà u qatt f’termini ta’ proprjetà privata: mill-komun għall-privat; qatt mill-privat għall-privat. Anzi, għalih il-prattika tal-propretà privata—jiġifieri li xi individwu jqis bħala tiegħu personali xi proprjetà (li fil-fatt suppost hi tal-komun)—iqisha bħala serq (jew tġennib).

Kullimkien fil-Vanġeli l-verb ‘ġenneb’ jiġi tradott bil-kelma Griega ‘klepto’, kelma li hi wkoll kienet oriġinarjament tfisser l-istess ħaġa bħall-kelma korrispondenti Lhudija: tikseb għalik innifsek, tieħu b’qerq, taħbi jew taħtaf, dak li hu ta' kulħadd. Iżda maż-żmien anki din ġiet marbuta mal-proprjetà privata, proprju biex jissaħħaħ il-kunċett u l-prattika ta’ din l-għamla ta’ pussess personali.

Tbagħbis mal-kmandament

Dan kollu jfakkarna ħafna fil-kitbiet ta’ Pierre-Joseph Proudhon (1809–1865). Infatti, kien dan Proudhon li fakkar lilna fil-kuntest politiku u ekonomiku tat-tmien kmandament u kif dan ġie mibdul biex ipaxxi lil min għamel mill-proprjetà privata s-sies tal-qerda u l-isfruttament dinjija.

Kemm fil-ktieb tiegħu Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd (1839) u kemm f’ieħor aktar magħruf, X'inhi l-Proprjetà Privata?(1840), Proudhon joffri riflessjonijiet provokattivi ħafna (anki fil-kuntesti taż-żewġ kotba msemmija) dwar dan il-kmandament mistradott, misinterpretat u mbagħbas. Jagħmel tajjeb min jinteressah f’dan li jsib dawn il-kitbiet fuq l-Internet u jaqra mqar biċċiet minnhom.

Is-soċjetà kapitalista li mdorrijin fiha aħna ma tħallilniex mod ieħor ta’ kif nifhmu t-tmien kmandament għajr bħala kelma ta’ awtorità suprema u divina għall-kunċett tal-proprjetà privata meta l-intenzjoni oriġinali tal-kmandament ma kien hekk xejn. Il-kmandament ried isaħħaħ il-ġid komuni, mhux il-ġid privat, u jkabbar soċjetà ta’ ħbiberija u qsim, mhux waħda ta’ egoiżmu u kilba.

Wieħed irid joqgħod attent ħafna x’katekiżmu jitgħallem!




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?