L-Att kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni

Mhuwiex eżattament ċar x’inhu l-punt ewlieni tal-‘Position Paper’ li ħarġet dil-ġimgħa l-Kummissjoni mqabbda mill-Kurja tal-Arċisqof dwar l-Att kontra l-prattiċi ta’ konverżjoni. Il-Kummissjoni, f’dokument ċkejken ta’ ftit aktar minn erbat elef kelma, donnha tfittex li tixħet kulma ġieha f’rasha mingħajr ma qisha kienet taf eżatt fejn kien il-versall.

Akkużi flok djalogu

Il-kritika li l-Kummissjoni xxejjer, jew aħjar l-akkużi li b’arja awtorevoli tfittex li tagħmel, fir-rigward tal-Att imsemmi huma diversi. Iżda, meta jarahom sewwa, wieħed jibqa’ perpless eżattament fuq liema naħa tal-ħajt tinsab il-Kummissjoni. Wieħed jista’ anki jaqgħalu s-suspett li l-Kummissjoni fittxet li tivvinta xagħra ħalli ssibha fl-għaġina.

Insejħilhom ‘akkużi’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni għax f’ebda vers tad-dokument tagħha ma hemm ħjiel ta’ djalogu. It-ton huwa konfrontazzjonali u ġellied; qisha qed tkellem lil xi għadu. Id-dokument ma japprezza kważi xejn fl-Att imsemmi filwaqt li jaqra affarijiet li mhumiex fl-Att. Fost dawn hemm li l-omosesswali huma ttrattati b’mod preferenzjali minn ħaddieħor. Hemm ukoll analoġija perikoluża bejn l-omosesswalità u l-pedofelija.

Knisja ta’ djalogu, fi żmien appuntat għad-djalogu tal-Att mill-leġislatur, kont aktar nistenna li tieħu attitudni ta’ djalogu milli wieħed antagonista. Id-dokument imkien ma jsemmi l-abbużi oxxeni li saru u għadhom isiru f’dan il-qasam—le, mhux bl-eslużjoni ta’ xi professjonalisti—kontra nies vulnerabbli sabiex ‘ifejquhom’ mill-‘marda’ jew il-patoloġija tal-ġeneru tagħhom. Jekk xejn, il-Kummissjoni kien imissha l-ewwel ma għamlet huwa li turi sensittività għall-abbużati u l-vittmi.

Oġġezzjonijiet frivoli?

Ibda biex, il-Kummissjoni tgħid li kulħadd se jibda jiġi miċħud mill-kunsill professjoni f’oqsma ta’ identità sesswali. Dan ma jirriżultax mill-Att imsemmi. L-Att jagħmilha ċara li l-protezzjoni qiegħda tingħata lil nies vulnerabbli (definititi skont il-proviżjonijiet tal-liġi). Dak li ssostni l-Kummissjoni li ċ-ċaħda tal-Att se jkun estiż għal nies mhux vulnerabbli wkoll ma jirriżultax mill-Att. Mela għalfejn issemma’?

L-istess meta l-Kummissjoni ssemmi l-każ ta’ Goodwin vs UK tal-2002. Ma jirriżultax mill-Att li min irid jagħmel bidla sesswali se jiġi miċħud milli jieħu kunsill xieraq. Dan is-suppost preċedent legali jissemma’, bħalma tissemma’ wkoll il-Kostituzzjoni ta’ Malta, sabiex sempliċiment jiżdied il-ħatab fin-nar. Il-fatt hu li mhemmx relevanza għad-diskussjoni. Għal darba oħra: mela għalfejn issemma’?

It-tielet, imkien ma l-Att isemmi d-direzzjoni tal-kunsilli ta’ trattament: jekk mhumiex minn omosesswali għal eterosesswali jew bil-kontra. Fid-dokument il-kwestjoni tinġieb biss bħala argument ta’ bla sustanza ħalli, għal darba oħra, in-nar jitfgħulu l-ħatab.

Ir-raba’ oġġezzjoni tidher li donnha tinteressa lill-Kummissjoni aktar mill-oħrajn: din hija l-protezzjoni tal-professjonisti li, skont il-Kummissjoni, l-Att se jimminalhom il-kondotta tagħhom f’każi relevanti għall-Att. Il-Kummissjoni hawnhekk ma ssemmix l-abbużi u l-vittimizzazzjonijet li saru minn xi wħud minn dawn il-professjonalisti b’mod sistematiku kontra kull etika u morali. Anzi, f’dan il-kuntest id-Dokument għandu l-ardir isemmi r-reliġjon, jekk ma tridx, meta hu bosta drabi f’isem ir-reliġjon, sfortunatament, li jsiru dawn il-barbaritajiet fuq nies vulnerabbli.

Il-Gulijiet tas-soċjetà

Wieħed isibha tabilħaqq iebsa kif, prattikament, kull darba li xi ħadd jitkellem f’isem il-Knisja, ma joħroġx, la fit-ton tiegħu u lanqas fil-kontenut ta’ dak li jgħid, il-ħniena li l-Knisja trid dejjem turi lejn min hu vulnerabbli u għandu storja twila ta’ vittimizzazzjoni fis-soċjetà. L-impressjoni pessma li dawn in-nies jagħtu tal-Knisja u tal-‘Evanġelju tal-Ħniena’ (f’sena li suppost hi ddedikata għal hekk) hi deplorevoli u tal-biki.

Id-Dokument tal-Kummissjoni mkien ma juri bl-iċken mod li jaf japprezza li pajjiżna jista’ jkun l-ewwel fost dawk Ewropej kollha li qiegħed jaħseb biex joħloq protezzjonijiet f’dan il-qasam hekk delikat u sinifikattiv. Imkien ma juri li hu dokument ta’ Knisja li tħobb lid-Davidijiet tas-soċjetà kontra l-Gulijiet.

Minflok, tidher qisha qed tiddefendi l-Gulijiet.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?