Ħsieb Manwel Dimech

Huwa rarissmu li f’Malta jew f’Għawdex isir kors ta’ tagħlim fuq Manwel Dimech. Anzi, nista’ ngħid b’ċerta ċertezza li qatt ma sar. Wisq anqas fuq ħsiebu. Jien naf li ħafna nies huma mxennqin għal dan għax ġustament iħobbu jitgħallmu dejjem aktar dwar Dimech. Għaldaqstant, issa hu l-mument li forsi ilek tistenna. Għall-ewwel darba se jsir kors qasir bil-Malti li għalih jista’ jattendi kulħadd.

Kors qasir għal kulħadd

Jekk tixtieq titgħallem xi ftit aktar dwar Manwel Dimech u l-ħsieb tiegħu, agħti kas sewwa ta’ dawn id-dettalji li se nagħtik ħalli ma titlifx opportunità bħal din. Ngħidlek millewwel li din mhijiex opportunità li se terġa’ tiġi ’l quddiem tant malajr. Anzi, nista’ kważi nassigurak li din l-opportunità hi kważi unika. Allura, aħtafha, jekk tista’, għax mhux la kemm se tiġik oħra bħalha.

Il-kors li se jsir hu wieħed qasir. Jieħu biss ħamest ijiem. Se jsir kull nhar ta’ Tnejn għal ħames ġimgħat. Biex wieħed jattendi għalih ma jridx ikun mar korsijiet oħrajn jew attenda xi università. Xejn minn dan. Il-kors hu maħsub biex jolqot lil kulħadd. Kemm lil dawk li studjaw xi ftit u kemm lil dawk li ma studjawx. L-importanti hu li min jattendi jkun irid jitgħallem. Mill-bqija, il-kors se jkun għal-livell ta’ kulmin jattendi.

Dan hu importanti. Ħadd m’għandu jaqta’ qalbu għax qatt m’attenda kors jew m’għamilx studji għolja. Il-kors mhuwiex għall-għoljin u għall-istudjużi biss. Hu mfassal biex jifhmu kulħadd u jipparteċipa fih kulħadd. Ħadd m’għandu għalfejn iħossu mhux kwalifikat biex jattendih.

Laqgħat il-Belt

Il-laqgħat tal-kors se jibdew it-Tnejn, 22 ta’ Frar, 2016. Jiġifieri bħal għada ġimgħa. Il-kors ikompli kull nhar ta’ Tnejn għal ħames ġimgħat wara xulxin. Jiġifieri jintemm it-Tnejn, 21 ta’ Marzu, 2016. Il-ħames laqgħat tal-kors isiru kollha bejn is-6.30 u t-8.00 ta’ filgħaxija.

Il-laqgħat kollha tal-kors isiru l-belt Valletta, fiċ-Ċentru tal-Voluntarjat. Dan iċ-ċentru jinsab fi Triq Melita, kantuniera ma’ Triq San Pawl, jiġifieri kantuniera ’l isfel mill-uffiċċji tat-Times of Malta. M’hemmx fejn titfixkel. Il-post jinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Belt u ma jridx ħafna mixi biex tilħqu b’tal-linja jew minn karozza pparkjata ħdejn Kastilja.

Biex tattendi l-kors, m’hemmx għalfejn tinkiteb qabel. Ir-reġistrazzjoni ssir fl-ewwel laqgħa. Jekk se tattendi, qis li tkun fiċ-ċentru tal-laqgħat ftit qabel is-6.30 ta’ filgħaxija nhar it-Tnejn, 22 ta’ Frar, u hemmhekk, dak il-ħin, tinkiteb għall-kors. Ikun hemm ħlas ċkejken b’għotja għall-ispejjeż (ta’ mhux aktar minn tletin ewro). L-istudenti reġistrati jħallsu nofs l-għotja.

Interess ġenerali

Biex tattendi għal dan il-kors uniku, m’hemm għalfejn iġġib xejn speċjali miegħek. Kollox jingħatalek waqt il-laqgħat stess. Il-kors għandu jinteressa lil kulmin iħobb jisma’ u jitgħallem dwar Manwel Dimech. Għandu jinteressa wkoll lil kulmin iħobb il-ħsieb u l-filosofija Maltija. U għandu jinteressa wkoll lil kulmin iħobb jisma’ affarijiet interessanti.

L-importanti hu li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu għax jista’ ma jkollux esperjenza ta’ korsijiet u tagħlim formali. Dan hu kors għal-livell tiegħek. Huwa maħsub biex tieħu gost titgħallem aktar dwar bniedem li jistħoqqlu kull attenzjoni.

Għaldaqstant, hawn huma d-dettalji għal darba oħra: ħames laqgħat bil-Malti bejn is-6.30 u t-8.00 ta’ filgħaxija, kull nhar ta’ Tnejn wara xulxin, mit-22 ta’ Frar sal-21 ta’ Marzu, 2016, fiċ-Ċentru tal-Voluntarjat, Triq Melita, il-belt Valletta (ikun hemm tabella mal-bieb ta’ barra ħalli ma titfixkilx). Kulħadd hu mistieden u mħeġġeġ sabiex jattendi.

Il-kors jingħata minn espert fil-qasam li għandu mal-ħamsa u għoxrin sena esperjenza fl-istudji ta’ Manwel Dimech. Tassew opportunità tad-deheb! Titlifhiex!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?