It-tnessija tal-ferħ

Il-filosofija neoliberali tas-sistema ekonomika kapitalista rnexxielha tnessi lil dawk kollha li ħatfitilhom moħħhom u qalbhom x’inhu l-ferħ tassew. In-nies saru qishom magni ta’ konsum li minn idejhom itteħdulhom il-mezzi li bihom setgħu jipproduċu l-kundizzjonijiet, il-ferħ u l-ġejjieni ta’ ħajjithom. Il-kapitaliżmu neoliberali huwa l-akbar oppju li qatt eżista u l-effetti tiegħu qatt ma kien hawn suċċess akbar minnhom.

Ferħ taparsi

Ħafna minna jilagħbuha ta’ nies kuntenti. Jagħmlu sforz kbir biex jidhru ferħana. Bosta minna jagħtuha għax-xalar għali tagħhom b’xorb, sess, vaganzi u kull xorta ta’ tbaħrit ieħor. Jagħmlu dan biex jistrieħu mit-toqol u t-tensjoni tax-xogħol u biex jieħdu ftit tal-gost kif jistgħu. Wara din il-btala żgħira, jerġgħu lura għar-realtà. Għall-piż tal-jum. Għat-tirannija tas-suq.

Il-ferħ u l-kuntentizza ma jistgħux ikunu riżultat ta’ xi sforz. Bniedem jew huwa kuntent u ferħan b’mod ordinarju u normali jew xejn. Jekk, biex ikollu farka ferħ u kuntentizza, irid jaqla’ fwiedu jew ibattal butu, allura dan huwa sinjal ċar li mhuwiex ferħan jew kuntent. Anzi, juri li huwa indannat u mdejjaq.

Din hi l-esperjenza repetuta ta’ ħafna minna li jitbagħlu jaħdmu minn sbiħ Alla sa filgħaxija ħalli jaqilgħu erba’ soldi tajba ħalli mbagħad ikunu jistgħu jieqfu mix-xogħol u jonfqu dak li jkunu qalgħu. Dak li taqla’ id tonfqu l-oħra.

Is-suq tirann

Dan l-isforz kontinwu biex ikollna ftit tal-mistrieħ u l-hena f’ħajjitna, wieqfa mix-xogħol ta’ bilfors li l-biċċa l-kbira minna huma mġiegħla li jagħmlu, donnu jagħtina l-impressjoni qarrieqa li aħna kuntenti u li aħna liberi. Meta fil-fatt la aħna waħda u lanqas oħra.

Dan għaliex is-suq kapitalista, illum miżmum fuq wiċċ l-idejn bil-filosofija neoliberali tiegħu, hekk irid. Iridna biss snien f’magna kbira li tagħmel il-profitti u s-superprofitti lil min hu minn fuq. Iżda min hu minn taħt, jiġifieri l-biċċa l-kbira minna flimkien ma’ eluf ta’ miljuni oħra madwar id-dinja, min hu minn taħt irid biss isefter u jinkera fix-xogħol għal ħaddieħor. Ma jistax jagħmel mod ieħor.

Is-suq huwa t-tirann ta’ ħajjet il-biċċa l-kbira minna li dħalna biex nibqgħu f’din is-sistema kapitalista li jinportah biss minnu nnifsu. Iżda, fl-istess waqt, hija sistema li tagħtik il-mumenti ta’ illużjoni li għandek bżonn; mumenti ta’ mistrieħ mix-xogħol; mumenti ta’ divertiment ... biex taparsi int kuntent; taparsi għandek il-lussu tal-għażla; taparsi ferħan.

Nies imdejqin

Il-kapitaliżmu, speċjalment bl-iskuża filosofika neoliberali tiegħu tallum, irnexxielu jnessi għal kollox lill-biċċa l-kbira minna x’inhu l-ferħ tassew, x’jiġifieri tkun persuna kuntenta. Huwa seraq l-hena mix-xogħol u mill-istess ħajja tagħna ta’ kuljum, u jippermetti l-ftit waqtiet ta’ divertiment nevrotiku, biex b’hekk ikompli jsaltan u jixxaħħxaħ fuq dahar kulħadd.

Il-biċċa l-kbira tagħna illoppjati mill-qerq tal-kapitaliżmu li huwa s-sid tal-mezzi li bihom aħna nistgħu nipproduċu l-ferħ tagħna nfusna, li bihom aħna nistgħu niddeterminaw ħajjitna u l-ġejjieni tagħna. Il-kapitaliżmu saħansitra sar is-sid ta’ x’aħna u min aħna; tal-identità nnifisha tagħna.

Nies ferħanin tabilħaqq kważi għadek ma tara mkien. Tiltaqa’ ma’ nies imdejqin, nies jaħdmu bla heda, nies b’dippressjonijiet ta’ kull għamla u sura, nies morda, nies maqbudin f’tellieqa mal-kontijiet, nies ukoll li jieqfu ftit mit-thewdin u l-hemm tagħhom biex taparsi jiddevertu xi ftit (sakemm ix-xogħol iħallihom).

Dinja oħra possibbli

Is-soċjetà tagħna saret waħda dippressiva. Tnessiet x’inhu li jagħmilha ferħana. Tnessiet min hi u għalfejn teżisti. Tnessiet ukoll għalfejn jeżisti x-xogħol u saħansitra d-divertiment. Il-kapitaliżmu għamilha soċjetà perversa li ttellfet it-triq u ma tafx issibha lura. Soċjetà illoppjata biex taqdi u tpaxxi.

Iżda soċjetà oħra mhijiex impossibbli. Dinja mingħajr il-mard u l-korruzzjoni tal-kapitaliżmu, jew mingħajr il-qerq tan-neoliberaliżmu, hi possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bniedem ma jistax jinsa għal kollox x’inhu li jagħmlu ferħan u kuntent. Ma jistax jitqarraq għal kollox.

Aħna m’aniex magni.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?