Partit ieħor

Bħalissa bosta nies ma jieqfux jitħaddtu dwar il-partit ġdid li tħabbar li se jitwaqqaf. Xi wħud iweġġgħu rashom minħabba dan, oħrajn jgħorku jdejhom u xi ftit iħabblu xagħarhom. B’mod ġenerali, il-kuntest ta’ din l-innovità hija ta’ konflitt; ta’ nies ma jkellmux lin-nies; ta’ nies ma jridux jafu b’oħrajn. Iżda f’demokrazija dawn l-affarijiet suppost jittieħdu bħala sinjal pożittiv ta’ sitwazzjoni b’saħħitha.

Is-suspett tal-negattività

Il-midja titħaddet dwar ‘qasma’ fil-Partit Nazzjonalista. ‘Qasma’ timplika xi ħaġa negattiva. Xi wħud anki ħadu l-impenn li jfakkruna f’‘qasmiet’ oħrajn tal-imgħoddi fiż-żewġ partiti ewlenin. Dejjem f’sens negattiv. Qasma tfisser għalihom firda, ġlied intern, dgħufija. Tfisser li l-affarijiet mhumiex sejrin sew. Li hemm l-inkwiet.

Dawn in-nies li jagħmlu dawn l-implikazzjonijiet u jixħtu dawn il-botti donnhom aktar jemmnu f’dittatorjali u monopolji milli f’demokraziji. F’demokrazija, aktar ma jkollhom fehmiet, aktar aħjar. Hu biss f’dittatorjali u f’monopolji—f’ambjenti kontra d-demokrazija—li jkollok in-nagħaġ mixjin ilkoll f’direzzjoni waħda mingħajr sfumaturi ta’ xejn. Il-monotonija għal dawn in-nies donnha virtù.

Jitkellmu dwar ‘qasma’ u ‘firda’ għax fil-fatt la għandhom kultura demokratika konvinta u lanqas jemmnu fid-demokrazija. Donnhom jemmnu li d-demokrazija hija biss isem. Mill-bqija, għandha tintrefa’ f’armadju u titħalla hemmhekk sakemm jasal il-jum tal-vot. Bil-fomm ifaħħru d-demokrazija, iżda bil-fatti juru l-kontra tagħha.

Pożittiv il-bipartitiżmu?

Il-partit il-ġdid li ġie mwiegħed m’għandniex għalfejn neħduh bħala sinjal negattiv. Milli jidher iż-żewġ partiti l-kbar it-tnejn ħaduh b’dan il-mod. Qalu, skont ma smajt, li se jkabbar l-instabbilità. Jiġifieri, mhuwiex se jħalli l-partiti l-kbar jibqgħu jagħmlu li jridu, dejjem u kullimkien, mingħajr ma joqogħdu attenti li ma jnafrux il-partit iż-‘żgħir’.

Dan mhuwiex negattiv. Huwa tajjeb li l-partiti l-kbar joqogħdu attenti. Huwa tajjeb li ma jkunx hemm monopolji. Huwa tajjeb li d-demokrazija jkollha aktar ilħna b’qawwa ta’ vot parlamentari. Ovvjament, minn iħobb il-bipartitiżmu dan mhuwiex se jdoqqlu. Irid l-affarijiet aktar ċari u sempliċi. Imma ħadd qatt ma qal li d-demokrazija hija sempliċi jew li għandha tkun hekk.

Tassew, f’Malta d-demokrazija dejjem kellha aktar minn żewġ ilħna kbar f’kuntest ta’ ġlied u firda; wieħed jew tnejn li jinfirdu mill-oħrajn għax ikollhom xi jgħidu magħhom, għax jiġġieldu magħhom. Dejjem f’Malta d-demokrazija tagħmel il-passi sbieħ tagħha f’kuntest ta’ taqtiegħ u nkwiet. Hija ħasra. Għax id-demokrazija, għallanqas f’pajjiżi fejn hi matura u żviluppata, mhuwiex hekk, għallanqas mhux għal kollox.

L-interessi taċ-ċittadin

F’Malta hawn terrur minn partiti ‘żgħar’ li jistgħu jtellgħu mqar siġġu wieħed fil-parlament. Hawn terrur akbar meta l-partit iż-‘żgħir’ ikollu diġà siġġu. It-terrur jindika l-imħabba ta’ dawk li jiftaħru bid-demokrazija għall-monopolji u d-dittatorjali. Għax min iħobb id-demokrazija għandu jifraħ li l-parlament tagħna dalwaqt ikollu aktar minn żewġ qniepen.

Jibżgħu li l-bilanċ perfett u l-istabbilità se jbatu. Iżda d-demokrazija dik hi. Id-demokrazija mhijiex gwerra ta’ trunċieri jew xi ring tal-boxing. Id-demokrazija, safejn naf jien, hija djalogu kontinwu. U fejn hemm monopolju ta’ żewġ partiti biss f’kamra ta’ rappreżentanti, ftit jista’ jkollok djalogu suriet in-nies. Għax min jgħid vi u min jgħid va, u daqshekk.

Marlene Farrugia bħalissa aktarx qiegħed iħares lejha b’ikrah kulħadd. Kull naħa. Għax marret kontra l-kanoni sagrosant tal-monopolji u d-dittatorjali. Għandhiex raġun twaqqaf partit ġdid għal rasha hija ħaġa oħra. Iżda l-fatt jibqa’ li d-demokrazija qed tifraħ għax tħobb il-varjetà u l-għażla tal-fehmiet. B’hekk biss tista’ timmatura u tikber.

Forsi l-partiti l-‘kbar’ b’dan ma jeħdux gost. Iżda ċ-ċittadin x’jirbaħ għandu, mhux x’jitlef. U huma suppost l-interessi taċ-ċittadin li f’dan il-pajjiż kulħadd qed ifittex, le?


Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?