Is-soċjalist għalliem

Is-soċjaliżmu u t-tagħlim jimxu id f’id. Kull soċjalist ta’ stoffa dejjem kien edukatur. Dan għaliex is-soċjaliżmu huwa mod partikulari ħafna ta’ kif wieħed iħares lejn ir-realtajiet ta’ madwaru. L-ewwel xejn, is-soċjaliżmu huma mentalità u viżjoni; imbagħad hu azzjoni fil-prattika li tieħu ħafna suriet.

Ktieb ġdid

Illum qiegħed jiġi varat ktieb ġdid ta’ sebgħa u tletin novella ta’ tulijiet differenti mxandrin bejn l-1924 u l-1969 mill-Belti Nikol Biancardi (1904–1969) u miġbura minn Donna-Lynn Calleja. Il-ktieb huwa parti mis-Sensiela Kotba Soċjalisti. Il-ktieb jinkudi wkoll bijografija dettaljata ta’ Biancardi u kummenti kritiċi fuq ix-xogħlijiet letterarji tiegħu. Ħasra li ma żiedx ma’ dawn werrej ta’ ismijiet u temi ta’ referenza.

Nikol Biancardi kien wieħed mill-pijunieri tal-Partit Laburista Malti, letterat u kittieb tal-Malti. Il-kitbiet tiegħu jinkudu poeżij, novelli, drammi u artikli. Kien wieħed mis-soċjalisti ‘radikali’ ta-snin tletin li ħadem għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem għall-ewwel darba fl-1926. Għal xi żmien kien segretaru tal-Partit Laburista.

Is-sentimenti soċjalisti u laburisti tiegħu Biancardi esprimiehom l-aktar f’kitbiet politiko-soċjali, fosthom il-ftit novelli mxandra fil-ktieb il-ġdid Il-Ħalliel tal-Mejtin u Novelli Oħra li ħareġ illum. L-istejjer huma għaxqa għal min iħobb l-ilsien Malti, sempliċi biex jifhimhom kulħadd u maħsuba biżżejjed biex wieħed jirrifletti fuqhom.

Materjal ġdid u mirqum

Is-sbuħija tan-novelli mxandra mhuwiex biss fl-użu mirqum tal-ilsien Malti. Fihom ukoll dehra tal-ħajja Maltija fl-aspetti l-aktar ordinarji tagħha, speċjalment fost il-popolin, u ħjiel tal-ħsieb Malti fiż-żmien li nkitbu. Ngħidu aħna, ma jinqsux li jixirfu xi preġudizzji tal-epoka u xi kliem politikament inadegwat.

In-novelli juru dak li nistgħu nsejħulu ‘pathos’, jiġifieri sentimenti profondi li kapaċi joħorġu minn qalb li tħobb u tħoss. Il-kitbiet ta’ Biancardi jixhdu għall-imħabba tiegħu tal-ħaddiem u taż-‘żgħir’ fis-soċjetà, kif ukoll għas-sensittività tiegħu għall-weġgħat u t-tbatijiet tan-nies.

Il-bijografija inkluża fil-ktieb hija prezzjuża għax fiha ħafna materjal bir-reqqa (xhieda ta’ riċerka metikoluża u attenta) u materjal ġdid, għall-anqas għal min, bħali, ma kienx jaf wisq fuq Biancardi. Siewja wkoll huma l-kummenti kritiċi tal-awtriċi Calleja. Għaldaqstant, il-ktieb hu miżgħud sorpriżi mill-bidu sal-aħħar, iddisinjat b’arti (grazzi lil Gaetan Cilia) u ppreżentat b’ħafna kura (grazzi lill-SKS).

Għalliem soċjalista

Fuq kollox, Biancardi joħroġ bħala soċjalist fin u perspettiv li, bil-mod u l-manjiera tiegħu, ifittex li jgħallem u jeduka. Il-kitbiet tiegħu, kemm dawk f’dan il-ktieb ta’ Donna-Lynn Calleja u kemm oħrajn imsemmijin fil-bijografija u l-kummenti kritiċi, juru li l-viżjoni tiegħu tar-realtajiet ta’ madwaru kienet mimsusa minn interpretazzjoni li tiġbor fiha sens liberali ta’ ġustizzja.

Mill-ktieb wieħed jista’ jintebaħ li x-xbieha ta’ Biancardi taqbel ma’ min iżomm li s-soċjalist awtentiku, taħt il-ħidma soċjali u politika tiegħu, huwa għalliem. Dan għaliex iħoss il-ħtieġa li jiftaħ għajnejn ħaddieħor għal analiżi tal-istrutturi inġusti tas-soċjetà, għal qagħda aktar ħielsa tal-individwi u għal xewqa ta’ dinja aktar ġusta. Illum ħafna attivisti xellugin huma nieqsa minn dan minħabba li t-tħejjija u t-taħriġ ideoloġiku tagħhom mhux biss huma mkittfin iżda wkoll difettużi.

Jiena jidhirli li għandna nkunu grati lejn Donna-Lynn Calleja talli tatna dan il-ktieb u, lili l-ewwel wieħed, għenitna niskopru lil Nikol Biancardi. Ħajr xieraq ukoll lil kulmin ħadem magħha biex twassal ix-xogħol tagħha għad-dawl, kemm dawk fl-Università ta’ Malta u kemm kulmin għenha fir-riċerka u l-pubblikazzjoni tal-ktieb.

Tagħmel tajjeb li tfittex li tikseb kopja tiegħu. Jien ma ddispjaċinix.


Ktieb ġdid ta' Mark Montebello bi studju dwar il-Kantilena ta' Pietru Caxaru
Agħfas fuq ix-xbieha biex tniżżlu PDF b'xejn 

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?