Corbyn fis-sod?

Jeremy Corbyn ħareġ bil-qawwa kontra li l-Gran Britannja tħalli l-Unjoni Ewropea. Issa li r-referendum ħareġ bil-qawwa favur li l-Gran Britannja tħalli l-Unjoni, il-qagħda ta’ Corbyn tinsab fi kriżi serja. Mat-80% tal-Membri Laburisti tal-Parlament lesti jqumu kontrih. Għal bosta minnhom jidher li ġiethom ix-xoqqa f’moxtha biex jeħilsu minnu, kif dejjem xtaqu sa mill-bidu tal-ħatra tiegħu bħala kap tal-partit.

Determinat li jirbaħ

Jumejn oħra, nhar it-Tlieta, millanqas 172—jew 80%—tal-Membri tal-Parlament li jagħmlu parti mill-Partit Laburisti Britanniku lesti jivvutaw favur sigriet vot ta’ sfiduċja fil-kap tal-partit tagħhom, Jeremy Corbyn. L-iskuża? Għax intilef referendum li Corbyn kien favurih. Iżda l-vot ma hu se jkollu ebda validità legali jew tassattiva fi ħdan il-partit u Corbyn diġà qal li se jinjorah. Din għalih hi opportunità oħra biex ikompli jnaddaf il-partit.

Imma l-affarijiet mhumiex sempliċi daqshekk. Il-Partit Laburista Britanniku jinsab fi kriżi serja li tista’ ssaħħu jew teqirdu. Min hu favur Corbyn? Hemm l-20% tal-Membri tiegħu tal-Parlament. Hemm ukoll il-biċċa l-kbira tal-elettorat Laburista. Dawn jifhmu li l-attakk feroċi għat-tluq ta’ Corbyn minn kap tal-partit ftit għandha x’taqsam mar-referendum. Il-‘Blairisti’ għadhom qawwijin u għadhom jagħtu bis-sieq. Issa ħarġu d-dwiefer tagħhom fil-beraħ.

It-tnejn li għadda, minkejja l-gambetti li qed jaqla’ ta’ kuljum minn ‘sħabu’ u t-tixwix bla waqbien mill-biċċa l-kbira tal-gazzetti Ingliżi, f’laqgħa parlamentari Corbyn ingħata ħasla mill-kbar, iżda wkoll appoġġ kbir mill-pubbliku li nġabar f’Londra għall-okkażjoni. Corbyn m’huwiex beħsiebu jċedi. Jaf il-logħba, jaf jilagħba tajjeb u determinat li jirbaħ.

L-akbar kriżi

Din mhijiex xi rebħa personali tiegħu. Hija rebħa għal dawk li, f’Settembru tas-sena li għaddiet, bil-ħatra ta’ Corbyn bħala kap tal-partit ċaħdu l-Blairiżmu u għażlu li l-Laburiżmu Britanniku jaqbad triq ġdida għal kollox differenti ta’ qabel. Huwa lejn din l-għażla li Corbyn għamilha ċara li jrid jibqa’ fidil. Il-Blairisti qajmu rashom u jridu r-‘rivincita’.

Minkejja li Corbyn jista’ jkun fis-sod, il-partit mhuwiex. Jinsab fi kriżi daqskemm jinsab fi kriżi l-Partit Konservattiv. Dawn għandhom fil-partit dik li ssejħet ‘gwerra ċivili’. Aktarx il-Partit Laburista għadu ma wasalx sa hawn. Iżda żgur li wasal sa kważi ‘kolp ta’ stat’. U, bħal kull kolp ta’ stat ieħor, is-sjuf mhumiex qegħdin jiġu ppuntati għall-istess motiv. L-iskop ewlieni hija li l-Blairisti jerġgħu jiksbu l-poter tal-partit kontra r-rieda tal-elettorat Laburista.

Corbyn qatt ma ra ma wiċċu kriżi serja bħal din fit-tmien xhur li ilu kap tal-partit. Bħalma ħareġ mill-oħrajn b’wiċċ il-ġid, jidher li anki issa għandu mnejn jeħlisha. Tkun tabilħaqq traġedja jekk, wara dak kollu li għadda Corbyn u l-partit minn Settembru ’l hawn, l-ambizzjużi u l-morri fost l-eletti Laburisti jġegħluh iċedi postu.

Telf kbir

Il-Gabinett il-ġdid li beħsiebu joħloq Corbyn wara li tgħaddi din il-kriżi, u wara li min għandu jitlaq jitlaq, għandu jkun f’armonija akbar mal-politika li ħa l-partit wara Settembru tas-sena li għaddiet. Għandu jkollu fi ħdanu aktar konsistenza. S’issa, Corbyn ħlief bsaten fir-roti ma sabx minn xi wħud minn sħabu. Dawn jista’ jkun li huma ddestinati li jisparixxu, għallanqas minn fejn jistgħu jagħmlu aktar ħsara.

Ċertament, il-partit mhuwiex għaddej minn żmien sabiħ. L-isfida hija enormi. Kull naħa hija armata biex tiġġieled u determinata li tirbaħ. Corbyn għalissa jidher fis-sod għax aktarx għandu l-biċċa l-kbira tal-elettorat Laburista warajh. Min jaf kemm jista’ jdum hekk?

Telfa għal Corbyn tkun tfisser telf kbir għall-kawża xellugija fl-Ewropa kollha.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-Kjaztika-Tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?