In-Nasseriżmu bħala għajn tal-ħsieb politiku ta’ Mintoff

Mintoff ma waqax mis-sema. Kien hemm diversi kuntesti u bosta għejun għall-ħsibijietu u għall-personalità kumplessa tiegħu. Hawnhekk ma rridx intawwal wisq fuq xi waħda minnhom. Xtaqt biss insemmihom biex naħsbu ftit fuqhom u biex jgħinuna ħalli nibdew inwessgħu daqsxejn il-perspettiva li jista’ jkollna tal-Perit. Niftaħ biss fuq waħda minn dawn l-għejun.
Qabel xejn, nibda biex insemmi għadd ta’ għejun ewlenin li jidhirli huma relevanti għat-tiswir tal-personalità u l-ħsibijiet tal-Perit Mintoff. Dawn li se nsemmi jistgħu ma jkunux l-uniċi għejun tiegħu, iżda aktarx huma l-ewlenin. L-għejun minuri għalissa mhu se nsemmihom xejn.


L-ewwel, jidhirli li hemm mill-anqas tliet għejun ewlenin li, b’modi u intensitajiet differenti, sawru l-ħsieb u l-personalità bikrin ta’ Mintoff. Dawn huma:
  • Ommu,
  • Il-familja ta’ missieru u
  • It-tabib Pawlu Boffa.

Dawn l-influwenzi jidhru li kienu determinanti, f’din l-ordni li semmejthom, għal dak li l-Perit Mintoff kellu jkun, kemm personalment u kemm pubblikament.

It-tieni, jidhirli li hemm mill-anqas tliet għejun ewlenin oħra li, b’modi u intensitajiet differenti wkoll, sawru l-ħsieb politiku bikri ta’ Mintoff. Dawn huma:
  • Reggie Miller,
  • It-tabib Turu Colombo u
  • Mabel Strickland.

Dawn it-tlieta min-nies taw sehem qawwi biex, speċjalment fil-bidu tal-karriera politika tiegħu, Mintoff jagħraf il-kwalitajiet predominanti tagħhom u jħares lejhom xi ftit jew wisq bħala mudelli tiegħu fil-ħajja pubblika, anki jekk eventwalment issuperahom ilkoll bil-kbir.


It-tielet, jidhirli li hemm mill-anqas żewġ għejun ewlenin oħra li, ukoll b’modi u intensitajiet differenti, sawru l-ħsieb politiku aktar matur ta’ Mintoff. Dawn huma:
  • Il-Fabian Society tal-Ingilterra u
  • Gamal Nasser tal-Eġittu.

Dawn iż-żewġ għejun politiċi jistgħu jintlemħu bi sfumaturi differenti f’ħafna mill-ħsibijiet li xandar, għallem u ħadem bihom il-Perit Mintoff tul il-karriera politika twila tiegħu, kemm b’mod ġenerali kif ukoll fid-dettalji.


Għajr ftit fuq il-Fabian Society, dwar dawn it-tmien għejun ewlenin ma nkitibx wisq, partikularment f’rabta mal-influwenzi fuq il-Perit Mintoff. Dan lanqas jien ma se nagħmlu hawnhekk. Però, minħabba li aktarx hi l-anqas waħda magħrufa, u jista’ jkun li hi wkoll l-anqas waħda li sar stħarriġ professjonali dwarha, xtaqt naqbad kemxejn mal-aħħar għajn ewlenija biss, dik ġejja minn Gamal Abdel Nasser (1918–1970), il-mexxej Eġizzjan li bejn l-1954 sa mejtu kien it-tieni President ta’ pajjiżu.

Fil-bidu tal-1956, Mintoff stieden Malta lil Nasser. Minkejja li f’dak iż-żmien Mintoff kien Prim Ministru, dan ma kellux il-jedd kostituzzjonali jagħmlu għax l-affarijiet barranin ma kinux f’idejn il-gvern Malti. L-istedina niżlet wisq morra mal-mexxejja Britanniċi, u aktarx dak kien il-ħsieb li kellha, kemm min-naħa ta’ Mintoff (li ried juri snienu) u kemm min-naħa ta’ Nasser (li l-istedina aċċettaha biex ibaqbaq lill-Britanniċi). Nasser spiċċa biex qatt ma żar Malta, fil-fatt, u meta fl-1971 Mintoff tela’ fil-gvern għat-tieni darba, Nasser kien diġà miet.

Mintoff żar lil Nassar fl-1960. Il-laqgħa tagħhom kienet kruċjali, kemm għax Nasser jidher li f’dak iż-żmien kien ta lil Mintoff gwida u kuntatti determinanti fil-qasam tal-affarijiet barranin (li Mintoff segwiehom fedelment) u kemm għax, kif fehmu sewwa l-Britanniċi f’dak iż-żmien, ikkonfermat in-Nasseriżmu ta’ Mintoff.

It-terminu ‘Nasseriżmu’ jirreferi għal idealoġija politika direttament imnebbħa mill-fehmiet ta’ Gamal Nasser. Hija għaġna ta’ elementi soċjalisti, repubblikani, nazzjonalistiċi u anti-imperjalistiċi. Feroċement anti-kommunista u anti-kapitalista, kienet ukoll tħaddan politika newtrali u non-alineata, u tisħaq fuq is-solidarjetà bejn il-pajjiżi ta’ din il-fehma. Minkejja r-respett tagħha lejn ir-reliġjonijiet, in-Nasseriżmu kien ideoloġija sekulari li, internament, jiffoka l-aktar fuq il-ġieħ nazzjonali, il-ġustizzja soċjali, l-immodernizzar mgħaġġel u l-industrijalizzazzjoni.

Wieħed ma jridx wisq għerf biex jintebaħ li n-natura u l-obbjettivi ewlenin tan-Nasseriżmu donnhom xbieha identika tal-politika li llum nassoċċjaw ma’ Mintoff. Wieħed lanqas ma jistagħġeb li Nasser kien minn ta’ quddiem fit-twaqqif tal-AAPSO fl-1957 u tal-Moviment Mhux-Alineat fl-1961, żewġ organizzazzjonijiet li r-rabta magħhom tal-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff hija magħrufa biżżejjed.

Diverġenzi bejn Mintoff u n-Nasseriżmu kien hemm ukoll. Ibda biex, Mintoff qatt m’aċċetta li jissieħeb mal-mibegħda u l-oppożizzjoni ta’ Nasser għall-Iżrael u ż-Żijoniżmu. Mintoff dejjem żamm relazzjonijiet tajba mal-Iżrael u mal-mexxejja Żijonisti, ukoll meta dan ma kienx faċli. Imbagħad, barra hekk, Mintoff qatt m’għamel bħal Nasser meta dan ħalla l-Unjoni Sovjetika tkabbar bil-mod il-mod is-saħħa u l-influwenza tagħha fl-Eġittu. Mintoff qatt ma ta l-iċken wiċċ lill-Unjoni Sovjetika.


Dokumenti offiċjali tal-gvern Britanniku mill-ewwel nofs tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor jirrikonoxxu ċar u tond li Mintoff “has been much influenced by Nasser” (kien influwenzat ħafna minn Nasser). Dan l-influss ma deherx evidenti biss fir-relazzjonijiet barranin u fil-politika interna tiegħu. Deher fl-ispirtu nnifsu tal-moviment Laburista Mintoffjan. Dan għaliex in-Nasseriżmu, bħall-Mintoffjaniżmu, kien metafora anti-kolonjalista qawwija b’immaġinarju revoluzzjonarju u dinamiku ferm li storikament irrappreżenta waqt ta’ tranżizzjoni minn fasla soċjali msejsa u orjentata madwar tradizzjonaliżmu qawwi għal għamla soċjali oħra li riedet tassorbi l-modernità sekulari. Dan aktarx ifisser għala n-Nasseriżmu u l-Mintoffjaniżmu jaqblu wkoll fil-kontradizzjonijiet u l-ambigwitajiet li ħaddnu u li għal xi wħud minnhom baqgħu magħrufa sal-lum.


RITRATT: Mintoff u Nasser l-Eġittu fis-26 ta’ April tal-1960 waqt il-‘Goodwill Mission’ tal-Partit Laburista fil-pajjiżi tal-Mediterran.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?