Is-sajf sabiħ tal-ġonna

Ma nafx taqbilx miegħi. Jien jidhirli li l-isbaħ żmien tal-ġonna f’Malta u Għawdex huwa s-sajf. Jista’ jkun minħabba l-qawwa tad-dawl, jew għandu mnejn minħabba l-ġdid li jiżhar fuq l-ixtieli kollha u l-frott u l-ward li jikber bl-abbundanza, xi ħaġa fis-sajf tagħti dehra mill-isbaħ lill-ġnien Malti biex donnu joħroġ l-aqwa tiegħu.

Il-ħajja tal-ġnien

Teħodnix li jien xi espert tal-ġonna. Hawnhekk niskuża ruħi ma’ dawk kollha—li naf li mhumiex ftit f’Malta u Għawdex—li jħobbu l-ġonna, jieħdu ħsiebhom u jitgħaxxqu bihom. Ħafna minnhom huma esperti u jifhmu f’dan is-suġġett ħafna aktar minni. Jien delettant żgħir li nitgħallem mill-ftit esperjenza li għandi.

Il-ġnien li nieħu ħsieb jien huwa mdaqqas. Ħloqtu jien minn għalqa żdingata u mitluqa. Ridt noħloq spazju ta’ trankwillità li jgħaxxaq. Qatt ma kelli f’moħħi li noħloq xi ġnien à la Ingliża, fejn kollox jidher perfett u ebda werqa ma tkun barra minn lokha. Mid-dehra, aħna l-Maltin u l-Għawdxin m’aħniex miġbudin wisq lejn ġonna bħal dawn. Donnna aktar inħobb ġodda li għandhom xi ftit tar-‘ribelljoni’ ġo fihom; ġonna bl-ordni, kollox sew, imma b’kull xorta ta’ xtieli u siġar li jingħataw il-libertà li jikbru f’armonija ma’ xulxin.

Għall-anqas il-ġnien tiegħi hekk hu. Fih ċertu ordni, imma mbagħad ma rridux qisu kien ‘tal-pupi’, qisu kollox artifiċjali. Irridu jesprimi ċerta libertà bil-miżrugħ fih li kważi kważi jiddeċiedu għalihom infushom kif għandhom ikunu u ma jkunux. Is-simetrija sabiħa sa ċertu punt, iżda mhux ir-reġimentalizzazzjoni. Il-ħxejjex mhumiex suldati.

L-għana tal-ġnien.

M’għandniex x’ingħidu, il-ġnien irid l-ilma. Ħafna ilma. Speċjalment fis-sajf. Wara x-xhur tant nexfin li kellna din is-sena, il-bir ħareġ bħala l-aktar ġid prezzjuż għall-ġonna. Għax min m’għandux ħażna ta’ ilma tajba għat-tul tas-sajf ma jistax joħlom li jżomm ġnien suriet in-nies.

Is-sħana tas-sajf tagħna, speċjalment tul Lulju u Awwissu, qalila wisq u kiefra mal-ġonna. Għalkemm fis-sajf il-ġonna jisbieħu u jixxettlu f’glorja partikularment tagħhom, dan ma jistgħux jagħmluh mingħajr ilma b’ċerta abbundanza. Dan jafu kulħadd, imma fis-sajf dan il-fatt jikber fl-importanza tiegħu.

Jekk wieħed għandu l-ilma u jsaqqi kuljum jew ta’ spiss jista’ jserraħ rasu mill-ġmiel tal-ġnien tiegħu fis-sajf. Ġmiel tassew, għax, imsoqqijin tajjeb, l-ixtieli jisfruttaw is-saħħa tad-dawl u l-qawwa tas-sħana biex jieħdu ħajja mġedda minnhom u jroddu kull għamla u sura ta’ fjur, frott u benna.

Imsoqqi tajjeb, ġnien fis-sajf jgħanni.

Il-kliem tal-ġnien

Is-sajf iġib ukoll il-parassiti tiegħu li, fis-sħana, jiżhedu, joktru u jagħmlu ħafna ħsara jekk wieħed ma jagħtix kashom. L-insettiċidji mhumiex l-aħjar soluzzjoni għalkemm xi kultant ma tistax tagħmel mingħajrhom. L-aħjar huma soluzzjonijiet naturali, u wieħed m’għandux jieqaf jistudja fuqhom biex japplikahom b’suċċess.

L-għaxqa ta’ ġnien, bħal f’ħafna ħwejjeġ oħra, huwa l-bilanċ. Wieħed irid dejjem isib il-qies tajjeb ta’ kollox fih ħalli jqawwi d-dgħajjef, iżomm lura l-qawwi u jagħti l-ispazju, iż-żmien u l-opportunità lill-maħluq kollu l-post tiegħu taħt ix-xemx. Il-ħajja hija kollha sabieħa, iżda trid tieħu ħsiebha, tħarisha, tindokkraha u tgħinna toħroġ l-aħjar li tista’ toffri.

Ġnien sabiħ u mħares tajjeb m’hawnx prezzu għas-serħan tar-ruħ u għall-għaxqa tal-ġisem. Bħalma ġnien jgħanni, il-ħlejjaq ta’ ġo fih ikellmuk u jaqsmu s-serenità, il-tpaxxija u l-hena tagħhom miegħek. Fuq kollox, jgħallmuk. Jgħallmuk li aħna u n-natura ħaġa waħda. Bħalma nikbru flimkien, kapaċi mmutu flimkien ukoll.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?