Librerija qatt mitmuma?

Bieb il-belt Valletta, li tlesta aktar minn sena ilu, igawdih kulħadd, inkluż il-mijiet ta’ turisti li jgħaddu minnu ta’ kuljum. Id-disinn ta’ Renzo Piano fih dehra, bla dubju, anki jekk xi wħud s’issa nsew il-miljuni li ntefqu minn flus il-poplu ħalli dan isir. Iżda hemm biċċa mill-proġett li baqa’ ma tlestiex. Anzi, qatt ma nbeda. Din hi l-librerija tal-Parlament. Kif jgħidu, bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb.

Dokumenti rari, uniċi u prezzjużi

Il-librerija hija bogħod mill-għajn għax il-post fejn suppost li xi darba tiġi ma jidher minn inkien. Tidher biss il-mina ta’ wieħed mit-truf tagħha, hemmhekk, fil-foss ta’ Bieb il-Belt int u dieħel fuq il-lemin, minfejn qabel, sa l-1929, kienet taħdem il-ferrovija. Il-post intuża bħala xelter fl-aħħar gwerra. Minn dak iż-żmien lil hawn, il-mina baqgħet vojta, qisha ġerha li ma titfieqx.

Fil-proġett ta’ Piano, li tlesta bejn l-2011 u l-2015, il-librerija tal-Parlament kellha tiġi eżatt fejn illum naraw il-Parlament ta’ Malta. Għalkemm il-Parlament infetah is-sena li għaddiet, il-librerija baqgħet ma saritx minkejja li l-pjanijiet tagħha ilhom żmien li ġew approvati mill-Grand Harbour Regeneration Corporation. Xahar u nofs ilu, sa l-iSpeaker tal-Kamra, Dr Anġlu Farrugia, gerger pubblikament għal dan in-nuqqas ikrah.

Għall-biċċa l-kbira tagħna lkoll, li l-librerija tal-Parlament saflaħħar titlesta ma hi ta’ importanza xejn u kważi kważi żejda. Iżda ma għandu jkun hekk xejn. Għax din il-librerija taħżen għexieren ta’ tluf ta’ dokumenti rari li l-biċċa l-kbira tagħhom huma uniċi u prezzjużi għall-istorja ta’ pajjiżna.

Irresponsabbiltà?

Dawn id-dokumenti huma ta’ erba’ għamliet ewlenin: l-aġendi tal-Parlament sa mill-bidu tal-Gvern Responsabbli, id-dibattiti tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Poplu sa mill-1840 ’l quddiem, id-dokumenti oriġinali kollha li tqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u, uniċi u prezzjużi żgur, ir-reġistrazzjonijiet awdjo mad-dibatti tal-Parlament Malti mill-1970 sal-lum.

Bħalissa dawn id-dokumenti jinsabu fil-bini bil-loġoġ ta’ quddiem il-Parlament (fuq ix-xellug int u dieħel il-Belt). Li hu agħar, ħaġa kontra kull prattika arkivjali fid-dinja u kull bon sens, il-kmamar fejn jinsabu d-dokumenti jiġu eżatt fuq ir-restoranti li hemm fi Triq l-Ordinanza! Allaħaresqatt jiżviluppa xi nar jew jisplodi xi gass, għax f’radda ta’ salib inkunu tlifna patrimonju ta’ wirt politiku u kulturali inestimabbli.

Jien jidhirli li hija irresponsabbiltà kbira min-naħa tal-gvern li jħalli dawn id-dokumenti, mhux biss għall-periklu ta’ xi inċident ikrah, iżda wkoll għall-ħsara ta’ ħażna mill-agħar kif inhuma miżmuma bħalissa f’kmamar daqs gallinar.

Dmir dovut lill-poplu

L-iskuża hi li mhemmx flus biex titlesti din il-librerija arkivjali. Jgħidu li qegħdin jistennew il-flus ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Iżda dan kollu jidher li hu biss kastelli fl-arja. Għax mid-dehra flus minn Brussell għal dan ix-xogħol ma jidhirx li ġejjin, u l-gvern jibqa’ ma jieħu ebda miżura sabiex ilesti l-librerija.

Jien ma narax kif jinstabu flus għal kollox, anki għall-ħmerijiet u għal festivitajiet li jintemmu f’ħakka t’għajn, imbagħad għal ħaġa hekk ta’ importanza u sinifikat għall-istorja u l-wirt nazzjonali ma jinstabux! Wara kollox, dan mhuwiex xi proġett li jonqos li jintefqu fuqu miljuni kbar ta’ ewros, għax is-sodda diġà mifruxa. Jonqos biss rieda politika biex dak li nbeda, jitkompla u jiġi mitmum.

Ġirja ta’ malajr fuq l-Internet malajr turik li kull Parlament den ta’ ismu fid-dinja ċivilizzata għandu l-librerija u l-arkivju tiegħu miżmuma bl-aqwa mod. Mhux hekk biss, imma x-xbihat juruk swali li jġibulek għajnejk wara widnejk. Mela għala aħna tant traskurati f’ħaġa bħal din?

Inħoss li, flimkien mal-iSpeaker tal-Parlament, jien ukoll għandi nappella lill-gvern biex fil-Budget li jmiss jara li jalloka flus biżżejjed biex titlesta minnufih il-librerija u l-arkivju tal-Parlament.

Dan hu dmir li hu dovut lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-Kjaztika-Tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?