L-għannej ta’ qtil

Nhar il-Ġimgħa, jekk trid, jista’ jkollok appuntament interessanti: il-ħruġ uffiċjali ta’ ktieb dwar qtil makabru li sar tliet mitt sena ilu. Din l-attività se ssir fil-kunvent tad-Dumnikani tal-belt Valletta, Triq San Duminku, mis-7.00 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Se jieħu sehem ukoll f’din l-attività l-għannej Kalċidon Vella bil-prim kitarrist Ronnie Calleja.

Storja u għana

Hemm raġuni għala din l-attività se ssir fil-kunvent tad-Dumnikani tal-Belt. Dan għax il-qtil li fuqu jitkellem il-ktieb il-ġdid sar proprju f’dan il-kunvent fl-1738. Il-vittma kienet Patri Viċenz Grimani, Dumnikan żagħżugħ ta’ 34 sena. Dan inqatel fiċ-ċella tiegħu stess.

Hemm raġuni wkoll għala fl-attività se jieħu sehem ukoll l-għannej Kalċidon ‘Id-Danny’ bil-kitarrist Ronnie ‘Tal-Mosta’. Għax fl-1738, ftit jiem wara li nqatel il-patri, kien hemm għannej li ġietu f’rasu jgħanni l-istorja tal-qtil. Il-ballata tiegħu waslet s’għandna għax qassis kiteb il-vrus tagħha, li issa jinsabu f’manuskritt fil-Biblijoteka Nazzjonali tal-Belt.

Ir-riċerka għall-ktieb il-ġdid fuq il-qtil ta’ Patri Grimani bdiet mill-ballata li hemm il-Biblijoteka. Imbagħad kompliet f’ħafna arkivji f’Malta u barra biex inġabret l-istorja bid-dettalji kollha tagħha. Il-ktieb jirrakkonta l-istorja tal-qtil, x’wassal għalih, kif sar, u x’ġara wara.

Storja affaxxinanti

Il-ktieb il-ġdid jismu Min Qatel il-Patri?, maħruġ mill-Klabb Kotba Maltin. Jirrakkonta storja ta’ intriċċi, misteri u tidwiriet strambi li jżommuk imsammar biex tkun taf aktar. Il-mistoqsija l-kbira kienet u għadha fuq min kien li fettillu joqtol lil Patri Grimani. Inqabad? Il-qattiel ħa l-kastig li kien ħaqq jew le? Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li l-ktieb ifittex li jwieġeb.

Il-ballata tal-għannej anonimu hija parti mill-istorja tal-qtil. Imma l-istorja fiha ħafna aktar minn hekk. Għax il-qtil kien parti minn qagħda ġenerali soċjali u politika, kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija (li Malta kienet tagħmel parti minnha f’dak iż-żmien).

L-istorja tinkludi wkoll ħaġa interessanti oħra. Fl-istess żmien li sar il-qtil u li fih l-għannej għamel l-għana tiegħu, inkitbu għaxar sunetti bit-Taljan u wieħed bl-Isqalli fuq l-istess suġġett tal-qtil. Dawn ukoll jinsabu f’manuskritt fil-Biblijoteka Nazzjonali. Fil-ktieb, dawn is-sunetti jiġu studjati wkoll. It-tagħrif li jagħtu jkompli jżid mas-seħer tal-istorja.

Ktieb b’rakkont

Minbarra l-għannej Kalċidon ‘Id-Danny’ u l-kitarrist Ronnie ‘Tal-Mosta’, fl-attività tal-ħruġ uffiċjali tal-ktieb se jieħdu sehem ukoll żewġ professuri tal-Università ta’ Malta: il-Prof. Carmel Cassar u Dr Bernard Micallef. L-ewwel wieħed huwa espert tal-istorja ta’ Malta, speċjalment tas-seklu 18, u l-ieħor espert tal-ilsien Malti. Dawn iż-żewġ oqsma—l-istorja ta’ Malta u l-ilsien Malti—jiġu flimkien f’dan il-ktieb mhux tas-soltu.

Il-ktieb MIN QATEL IL-PATRI? huwa xogħol ta’ żewġ awturi, Marlene Mifsud Chircop u Mark Montebello. Filwaqt li tal-ewwel hija riċerkatriċi tal-folklor Malti, it-tieni hu riċerkatur tal-istorja. Hekk il-kompetenzi rispettivi tagħhom inġiebu flimkien f’din il-biċċa xogħol sabiħa li ħadmu fuqha għal din l-aħħar sena u aktar.

Il-kitba tal-istorja fil-ktieb hija f’għamla ta’ rakkont. Id-dettalji akkademiċi—għax il-ktieb hu wieħed riċerkat minn għadd kbir ta’ dokumenti, manuskritti u kotba oħra—huma miġbura fit-tieni parti tal-ktieb fejn wieħed jista’ jarahom u jista’ ma jagħtix kashom. Il-ktieb għandu preżentazzjoni eċċellenti, bl-istampi b’kollox, u b’tipa li tista’ tinqara faċilment. Kollox hu magħmul biex joffri lill-qarrej esperjenza sabiħa.

Id-dħul għall-attività ta’ nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Ottubru, fis-7.00 ta’ filgħaxija, fil-kunvent tad-Dumnikani tal-Belt, huwa bla ħlas u dawk li jattendu jkollhom riċeviment ċkejken. L-attività tkun bil-Malti. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi.


Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?