L-għawġ ta’ Aleppo

Aleppo, il-belt kbira tas-Sirja li tinsab fil-majjistral tal-pajjiż, illum saret sinonima mal-qerda u t-traġedja, l-istess bħalma fi żminijiet oħrajn kienu sfortunatament saru mkejjen oħra bħal Bejrut u Belfast. Bħal dawk l-ibliet vittmi tal-vjolenza għamja tal-bniedem, Aleppo wkoll illum tista’ tindara b’tali mod li l-għawġ li qed isir il-ħin kollu fih—ukoll waqt li taqra dan—jintesa u jitwarrab mill-ħsieb.

L-għawġ ma jonqosx

Il-belt ta’ Aleppo hija waħda mill-eqdem postijiet fid-dinja abibata kontinwament sa mis-6 millennju qabel Kristu. Għandha popolazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ. Il-gwerra ċivili Sirjana laqtitha bil-kbir u llum hi assedjata kuljum, lejl u nhar. In-nies ta’ Aleppo qed jgħixu kull mument bħallikieku kien eternità, ma jafux humiex se jirnexxielhom jgħixu sal-għada jew ukoll sa filgħaxija.

Franza u Spanja qed jagħmlu minn kollox mal-Ġnus Magħquda sabiex jieqaf il-ġlied f’Aleppo u n-nies tagħha jingħataw ftit nifs mit-terrur li għaddejjin minnu. L-Istati Uniti u r-Russja, li qed jiġġieldu l-ġlied tas-Sirja b’riħet ħaddieħor, kienu wkoll f’taħdidiet bejniethom għall-istess skop Franċiż-Spanjol, iżda waqfu jitkellmu, u ntefgħu mill-ġdid għall-ġlied.

Sadattant, skejjel, sptarijiet, dipartimenti tal-gvern, uffiċċji pubbliċi, knejjes, moskej, sinagogi ... ilkoll qishom oqbra, weqfin mill-attività tagħhom minħabba l-gwerra li issa ilha għaddejja ’l fuq minn erba’ snin, sa mill-2012. Elettriku, ilma, gass, servizzi ... ilkoll jinsabu sospiżi. L-ikel huwa skars għal kulħadd. L-għawġ mhemmx li jonqos jew jintemm.

Industrija sħiħa

Fost dawk li jistgħu jagħmlu xi ħaġa konkreta għall-qagħda mwiegħra ta’ Aleppo, hemm min paċi ma jridx. Nies fil-Ġnus Magħquda, nies fl-Unjoni Ewropea, nies fl-Istati Uniti tal-Amerika, nies fir-Russja, nies f’gvernijiet oħrajn madwar id-dinja, ma jridux li l-paċi ssaltan f’Aleppo jew fis-Sirja. Iridu l-gwerra, iridu l-ġlied, u jaħdmu għaliha xi kultant minn taħt u xi kultant saħansitra b’wiċċhom bil-quddiem.

Il-gwerra hija industrija. Mhux biss tal-armi, żgħar u kbar, sofistikati u mhux, u tal-qerda tal-massa, iżda ta’ apparat burokratiku enormi li jżomm ħafna nies b’paga tajba u tajba ħafna. Dan jinkludi, jekk trid, nies fl-armati tal-art, il-baħar u l-ajru, u l-kwartieri elaborati li jmexxuhom. Il-gwerra hija industrija li ma tistax titħalla tfalli u, għalhekk, hemm min irewħilha. Paċi ma jridx, għax il-paċi jtellef il-flus u l-qligħ.

Din hija l-assurdità li qed ngħixu ta’ kuljum taħt imneħirna. L-assurdità li, għall-kappriċċ tal-flus u l-profitti finanzjarji, iħallsu l-eluf ta’ nies b’ħajjithom. In-nies ta’ Aleppo qed iħallsu l-prezz tar-rgħiba ta’ min għandu s-saħħa jtawwal il-gwerra u jżomm milli ssaltan il-paċi f’post li ftit jista’ jkompli jinqered aktar milli diġà hu.

Inizzjattivi Maltin?

Għalkemm Aleppo qed jiġġieled u jgħaffeġ fiha kulħadd, ħadd ma hu interessat fiha. Kulħadd, kull naħa tal-ġellieda—il-gvern Sirjan, il-Front Al-Nusra, il-Front Iżlamiku, l-Armata Ħielsa Sirjana, u l-Unitajiet għall-Ħarsien tal-Poplu—ħadd ma jinpurtah Aleppo jew in-nies tagħha jsalvawx jew le. Għalihom ilkoll, Aleppo hija biss pont għal skopijiet oħra.

Dan ma jfissirx li mhijiex importanti fl-istrateġija tal-gwerra ta’ kull ġellied. Hija importanti biss biex biha jweġġa’ lill-għadu tiegħu u jagħmel kisba psikoloġikament u strateġikament sinifikanti. Mill-bqija, is-siwi ta’ Aleppo u n-nies tagħha huwa biss għodda. Xejn aktar. Hu minħabba f’dan li qed jiġu ssagrifikati mijiet ta’ eluf ta’ nies, inkluż eluf ta’ tfal.

Jidher xi tmiem għall-għawġ ta’ Aleppo u n-nies tagħha? Għalissa jidher li mhemmx. Dak li jridu l-gwerra donnhom għandhom is-sopravent u mhumiex se jċedu kif ġieb u laħaq għas-suq tal-gwerra qerrieda tagħhom. Qalbna ma tistax ma toħroġx għan-nies ta’ Aleppo. Ma nistgħux ma nitnikktux għal din l-ebusija ta’ ras u qalb mingħajr ħniena għat-tbatija umana.

Mhux li kien Malta tgħix il-missjoni kostituzzjonali tagħha u tuża s-saħħa li jista’ jkollha quddiem il-komunità internazzjonali biex tieħu l-inizzjattiva favur il-paċi u l-waqfien mill-ġlied! Mhux li kien!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?