Posts

Showing posts from November, 2016

L-eċċentriċi tad-dinja

Image
Teknikament, meta ħaġa tissejjaħ ‘eċċentika’ jkun ifisser li l-fus tagħha ma jkunx eżatt fin-nofs kif aktarx għandu jkun. Soċjalment, insejħu ‘eċċentriku’ bniedem li, għal xi raġuni jew oħra, huwa kemxejn stramb jew li għandu aġir, drawwiet jew personalità xi ftit jew wisq kurjuż. Għal bniedem hekk, bil-Malti għandna espressjoni li hi ftit aktar kulurita; ngħidu fuqu li għandu Alla għalih! Ħobbu jew obogħdu L-eċċentriċi huma l-aktar nies interessanti tad-dinja. Ma jagħmlux l-affarijiet kif jagħmilhom ħaddieħor. Huma qishom nies li qed jgħixu f’realtà tagħhom. Donnu ħsiebhom ma jinħakimx kif ġieb u laħaq mid-drawwiet ta’ madwarhom. Jagħmlu l-affarijiet kif jagħtihom moħħhom, ħafna drabi mingħajr konsistenza u bla ma tista’ tieħu kopja tagħhom. Bosta drabi ssib li l-eċċentriċi huma nies ta’ weħidhom. Għalkemm għandhom il-ħbieb, mhux il-ħbieb jagħżlu lilhom imma huma jagħżlu l-ħbieb. U dan aktar ma jagħmluhx milli jagħmluh. Il-ħbieb tagħhom huma magħżula ferm, u aktar dawn jintagħ

Ikber ftit!

Image
Ġieli tisma’ lil min jgħid lil ħaddieħor (nittama mhux lilek): “Ikber ftit! Qisek tifel żgħir!” jew “Qisek tifla żgħira!” Xi jkunu jridu jgħidu biha din il-kelma? Minkejja li ssib lil min jgħid kelma bħala din sempliċiment biex jitkessaħ, meta ssir b’mod sinċier fiha x’tomgħod. Jekk xi darba xi ħadd qalha lilek, tibża’ xejn. Għax kulħadd għandu xi ftit x’jikber, hu min hu. Kulħadd jeħtieġlu jikber Il-kelma ‘immaturità’ mhux dejjem tesprimi sewwa l-ħtieġa li xi ħadd jeħtieġlu jikber xi ftit. Immaturità aktar donnha trid turi li wieħed jew waħda baqgħu defiċjenti f’moħħhom (mentalment) jew f’qalbhom (affettivament). L-immaturità, meta hi ħaġa kronaka, ftit tista’ titjieb b’sempliċi għemil tar-rieda. Hi bħal difett li tista’ biss tgħattih, imma ma tistax tneħħih. Meta ngħidu li bniedem jeħtieġlu jikber ftit ma nkunux qed ngħidu, eżattament, li hu bniedem immatur. Ma nkunux qed infissru li għandu bħal difett mentali jew affettiv li ma jistax jirbħu. Bil-maqlub. Il-fatt li nistednuh

Żmien l-assurdità

Image
Għadha bil-kemm kemm intemmet il-festa assurda (Amerikanata) ta’ Halloween, li ħafna Maltin saru jiċċelebraw mingħajr lanqas biss jafu x’għandha tfisser (“Karnival tal-mejtin”, smajt waħda tgħid fuq tal-linja), meta waslet fuqna festa assurda oħra: l-orġja tal-konsum imsejjaħ “Milied”. Kapitaliżmu u profitt Għalkemm għadu lanqas għadda nofs Novembru, diġà, mix-xahar li għadda, xi ħwienet bdew jarmaw għall-bejgħ ta’ żmien il-Milied. Id-data tal-bidu tal-bejgħ ta’ dan l-istaġun miġnun donnha, aktar ma mmorru, aktar dejjem timxi ’l quddiem. Qabel kienet fil-bidu ta’ Diċembru, imbagħad resqet għal nofs Novembru, imbagħad għall-aħħar ta’ Ottubru. Issa, għal nofs Ottubru. Żmien il-Milied sar orġja ta’ konsum sfrenat li, m’għandniex xi ngħidu, m’għandu x’jaqsam xejn, xejn, xejn mal-Milied u t-tifsira li suppost għandu. Dan tal-aħħar—li l-Milied inferaq mit-tifsira proprja tiegħu—ma jistagħġibni xejn, għax il-kapitaliżmu jirrovina kull ħaġa li jmiss miegħu. Il-kapitaliżmu u l-valuri ne

Il-ktieb ħabib ta’ veru

Image
Din il-ġimgħa ħu ħsieb li żżur il-Festival tal-Ktieb fiċ-Ċentru tal-Mediterran, il-Belt. Ħajjar lil ħbiebek u ’l uliedek għaliha, għax kulmin iħobb il-ktieb, iħobb ukoll il-maturità tal-bniedem u l-ħelsien ta’ ruħu. Min ma jaqrax hu magħluq — f’moħħu, f’qalbu u f’ħajtu. Letteratura Ġimgħatejn ilu, id-dinja letterarja baqgħet imdarrsa meta l-Premju Nobel tal-Letteratura ta’ din is-sena ngħata lill-kantant Amerikan Bob Dylan. Għal min hu midħla ta’ dan il-kantant, magħruf l-aktar fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor, jaf li Dylan hu kantant u, jekk trid, poeta ta’ ħila konsiderevoli. Iżda letteratura, fis-sens ordinarjament mifhuma din il-kelma, ma ħoloq xejn. Meta nitkellmu fuq letteratura aktarx ikollna f’moħħna ġeneru ta’ kitba speċifiku u eżatt. Il-letteratura tirreferi għal xogħolijiet ta’ proża li għandhom siwi artistiku għoli jekk mhux ukoll dejjiemi. Il-letteratura fiha nnifisha tħaddan għadd ta’ oqsma iżgħar, bħall-kitba għat-teatru, ngħidu aħna. Iżda bħala