Żmien l-assurdità

Għadha bil-kemm kemm intemmet il-festa assurda (Amerikanata) ta’ Halloween, li ħafna Maltin saru jiċċelebraw mingħajr lanqas biss jafu x’għandha tfisser (“Karnival tal-mejtin”, smajt waħda tgħid fuq tal-linja), meta waslet fuqna festa assurda oħra: l-orġja tal-konsum imsejjaħ “Milied”.

Kapitaliżmu u profitt

Għalkemm għadu lanqas għadda nofs Novembru, diġà, mix-xahar li għadda, xi ħwienet bdew jarmaw għall-bejgħ ta’ żmien il-Milied. Id-data tal-bidu tal-bejgħ ta’ dan l-istaġun miġnun donnha, aktar ma mmorru, aktar dejjem timxi ’l quddiem. Qabel kienet fil-bidu ta’ Diċembru, imbagħad resqet għal nofs Novembru, imbagħad għall-aħħar ta’ Ottubru. Issa, għal nofs Ottubru.

Żmien il-Milied sar orġja ta’ konsum sfrenat li, m’għandniex xi ngħidu, m’għandu x’jaqsam xejn, xejn, xejn mal-Milied u t-tifsira li suppost għandu. Dan tal-aħħar—li l-Milied inferaq mit-tifsira proprja tiegħu—ma jistagħġibni xejn, għax il-kapitaliżmu jirrovina kull ħaġa li jmiss miegħu. Il-kapitaliżmu u l-valuri neo-liberali tiegħu alla wieħed biss għandu: il-profitt.

F’kelma waħda, żmien il-Milied sar, b’mod eċċezzjonali aktar minn kull żmien ieħor tas-sena, żmien li fih tobrox u tisloħ kemm jista’ jkun lil ħaddieħor, u tipprova teħodlu flus mill-but kemm tista’. Żmien il-Milied hu żmien is-serq pulit, l-indulġenza tal-ħniżrija, is-sodisfazzjon tar-regħba.

Inġurja u insolenza

Xi wħud, imsieken, jibqgħu jipprovaw jitkellmu dwar il-Milied bħala xi ħaġa nisranija. Mingħalihom li, bi kliemhom u għemilhom, qegħdin jaslu xi mkien. Bħallikieku jistgħu jieqfu lis-setgħa tal-kapitaliżmu bl-insidja, il-vizzji u l-qerq tiegħu. Ma jistgħux. Il-leħen tagħhom, ukoll f’Malta u Għawdex, anki meta jieħu għamla xi ftit jew wisq reliġjuża, hu biss ħanqa ta’ ħmar f’deżert.

Il-Milied nisrani hu mitluf. Intilef għas-suq u għall-ġenn tan-nies li jridu jonfqu u jonfqu u jonfqu, imqar jekk m’għandhomx minfejn. Il-Milied u żmienu, minn ġimgħat qabel u għal ġimgħat wara, sar okkażjoni fantastika ta’ ikel esaġerat, xorb bla qies u ħala bla tarf. Festa tal-konsum, l-edoniżmu u l-isfruttament.

F’dan iż-żmien, imbagħad, taparsi jsiru xi atti ta’ karità biex xi ħadd iserraħ il-kunjenza li, anki waqt id-dnub, jista’ tiddaħħal ftit grazzja. Dan ma jagħmel xejn ħlief iżid insult mal-inġurja. Mhux biss il-Milied sar festa ta’ assurdità sħiħa, iżda, minn fuq, ninqdew bih ħalli nidħku bina nfusna u b’ħaddieħor (mingħalina).

Nies assurdi

Dan iż-żmien tal-Milied li wasal fuqna u li bil-mod il-mod jaħkem lil kulħadd, ikompli jisħaq kemm il-biċċa l-kbira minna, minn rajna, għax irridu, għax għażilna hekk, ġejna mibjugħa lill-kapitaliżmu bil-valuri assurdi tiegħu. Sirna assurdi daqsu. Biex iżid ma’ dan, bih ipprofanajna kull ħaġa sabiħa, għażiża u qaddisa li seta’ kellna. Ġibna kollha kummerċ. Kollox bi prezz li jista’ jinbigħ jew jinxtara.

Dan kollu hu assurd. Ma jagħmilx sens ħlief f’termini ta’ kummerċ, profitt u regħba. U l-biċċa l-kbira tagħna—forsi jien l-ewwel wieħed—kompliċi tiegħu. Mhux għax il-Milied għandu għalfejn jiġi ċċelebrat b’xi mod estrovert u spettakulari, imma aktar għax, minn fuq, ninqdew bih biex inweġġgħu lilna nfusna u lil ħaddieħor.

Għax dan iż-żmien Miliedi assurd hu dan li jagħmel: iweġġa’. Iweġġa’ l-ispirtu kbir tal-bniedem li jrid jibqa’ jemmen li d-dinja tista’ tkun post fejn ħadd ma jinqeda b’ħadd u fejn kulħadd jirrispetta lil kulħadd. Imma l-konsum u l-ħala, l-orġji bla sens ta’ ikel u xorb bla qies, la fihom rispett u wisq anqas imħabba lejn xi ħadd.

Żmien l-assurdità hu biss għal nies assurdi. Amen.

Comments

  1. Hekk hu, u xi nghidu ghall xeni emmozzjonali ta karita kompetitiva bhall Istrina u progammi simili li jservu biss ta opju ghall min jifrah b'nuqqassijiet ta haddiehor flok jisielet biex jara minn fejn gejjin.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?