Meta jittrattawk ta’ vavu

Hemm kelma għal meta jittrattawk ta’ vavu. PATERNALIŻMU. Hija kelma li tiġi mil-Latin ‘pater’, li tfisser ‘missier’. Għax meta jittrattawk ta’ vavu, iġibu ruħhom miegħek qishom kienu xi papà, imma fl-agħar sens tal-kelma papà jew missier. L-attitudni tkun li jittrattawk bħallikieku kont għadek xi tifel jew tifla li trid lil min jieħu ħsiebek u jħares fuqek.

Appuntament għalik

Nhar il-Ħamis, 16 ta’ Marzu, fiċ-Ċentru tal-Fortifikazzjonjiet, Triq San Mark, il-Belt (il-Mandraġġ), mis-7.30 ta’ filgħaxija ’l quddiem, se joħroġ ktieb proprju fuq hekk. Fuq il-paternaliżmu. Il-ktieb jismu MIN JGĦIDU N-NIES LI JIEN? – Il-FAQAR TAL-PATERNALIŻMU. Huwa miktub minn Mark Montebello u ppubblikat mill-SKS.

Għal din l-attività l-pubbliku kollu hu mistieden u d-dħul huwa mingħajr ħlas. Din hija okkażjoni għalik ukoll, jekk jinteressak is-suġġett. Fl-attività tista’ tieħu sehem fid-diskussjoni (li żgur tkun interessanti, jekk mhux ukoll ftit taħraq), u wkoll tikseb il-ktieb bl-irħis, għax dak in-nhar ikollu prezz speċjali għal dawk li jattendu.

Fil-fatt, il-paternaliżmu huwa suġġett li għandu jinteressa lil kulħadd. Għax kulħadd, illum jew għada, isib ruħu vittma ta’ din l-attitudni insolenti. Nies adulti bħalek m’għandhomx jiġu ttrattati ta’ vavi. Għandhom moħħ biex jaħsbu bih u jieħdu d-deċiżjonijiet. Għandhom il-libertà tal-għażla. Għandhom id-dritt ifasslu ħajjithom, il-ferħ tagħhom, l-identità tagħhom u l-ġejjieni tagħhom kif iridu huma. Mhux kif jiddetta ħaddieħor.

Il-ħażen tal-paternaliżmu

Il-paternaliżmu hekk jagħmel. Huwa meta xi ħadd jittratta lil ħaddieħor qisu kien immatur. Jista’ jkun missier lil uliedu, raġel lil martu, namrata lin-namrat, sid t’imjieg lill-ħaddiema, kap ta’ dipartiment lil ta’ taħtu, superjur lis-sudditi tiegħu, imħallef lil min jitressaq quddiemu, pulizija lill-pubbliku, tabib lill-pazjenti, kappillan lill-parruċċjani, u l-bqija. Jista’ jkun ukoll, fuq livell istituzzjonali, il-gvern liċ-ċittadini, bank lill-klijenti, kumpanija lill-benefikarji, u l-bqija. Kulħadd hu fil-periklu li jsir vittma tal-paternaliżmu daqskemm kulħadd jista’ juża l-paternaliżmu ma’ ħaddieħor.

F’dawn il-każijiet kollha, il-persuna paternalista tittratta lil ħaddieħor bħallikieku kien tfal, jiddettalu fuq ħajtu, jiddeċiedi għalih mingħajr il-kunsens tiegħu u jirrappreżentah mingħajr ma jikkonsultah. Il-paternalista jippretendi li jaf aktar mill-vittmi tiegħu kif għandhom jgħixu, x’deċiżjonijiet għandhom jieħdu, x’isawwar il-ferħ tagħhom, x’identità personali għandu jkollhom, u x’ġejjieni hu tajjeb għalihom.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-paternaliżmu huwa kwistjoni ta’ kontroll, manipulazzjoni u sfruttament.

Ktieb jgħodd għalik

Dan il-ktieb jistħarreġ il-paternaliżmu minn kull lat tiegħu, interpersonali, istituzzjonali u legali. Jittratta kif aħna niltaqgħu mal-paternaliżmu (Taqsima 1), l-inhuma l-oriġini u l-ġustifikazzjoni tiegħu (Taqsima 2), is-sura l-faqar tiegħu (Taqsima 3) u l-azzjoni possibbli kontra l-paternalisti (Taqsima 4). Hu ktieb li jippreżenta studju kumpless u diffiċli fi kliem mill-aktar ħfief, b’lingwaġġ sempliċi u b’ħafna eżempji ta’ tifsir.

Minħabba li l-messaġġ ewlieni tal-ktieb hu maħsub biex jgħin lill-qarrej jiskopri l-forom differenti tal-paternaliżmu u biex possibbilment jikkumbattihom, il-pożizzjonijiet favur u kontra l-ġustifikazzjoni tal-paternaliżmu huma murija f’termini kemxejn kategoriċi. Dan m’għandux ifisser li f’kull pożizzjoni mhemmx kontradizzjonijiet, għalkemm dawn aktarx ma jnaqqsux is-saħħa tal-argumenti.

Il-ktieb ma jippretendix li kulħadd jaqbel ma’ dak kollu li jgħid, iżda għall-anqas jiftaħ diskussjoni li tista’ tipproduċi xi ħaġa. Għalhekk, ħu l-appuntament: Il-Ħamis, 16 ta’ Marzu, iċ-Ċentru tal-Fortifikazzjonijiet, Triq San Mark, il-Belt, fis-7.30 ta’ filgħaxija.



http://www.bdlbooks.com/philosophy/3773-malta-s-philosophy-philosophers.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?