Meta l-politiku jonqos iċ-ċiviltà tagħna

Iċ-ċiviltà li niftaħru li għandna tissejjes, fost ħwejjeġ oħra, fuq għadd imdaqqas ta’ affarijiet li jesprimuha. Aktar ma dawn l-affarijiet ikunu fl-għajn, aktar jieħdu responsabbiltà fuqhom quddiem is-soċjetà kollha. Fost dawk l-aktar fl-għajn huma l-politiċi. Fuq dawn, fost ħafna oħrajn, taqa’ responsabbiltà kbira biex jesprimu ċ-ċiviltà tagħna u l-fażi tal-iżvilupp tagħha. Qegħdin fil-fatt jerfgħu biżżejjed din ir-responsabbiltà?

In-nies pubbliċi tagħna

L-artisti, il-ħaddiema pubbliċi kollha, il-voluntieri f’kull qasam, in-nies li jagħtu servizz pubbliku u ħafna suriet oħra ta’ ċittadini għandhom ir-responsabbiltà li, flimkien mal-politiċi, jesprimu ċ-ċiviltà tagħna. Ilkoll flimkien, kulħadd bit-toqol u s-siwi tiegħu, juru kemm aħna ċċivilizzati, kemm ilħaqna livell għoli ta’ ħruġ mill-egonazzjonalizzmu tagħna u ġrejna fit-triq tal-altrunazzjonaliżmu.

Dawn iż-żewġ termini―egonazzjonaliżmu u altrunazzjonaliżmu―nistgħu nqisuhom bħala żewġt iġnub ta’ medda ta’ żvilupp li minnhom jgħaddi nazzjon. L-egonazzjonaliżmu jirreferi għal meta n-nazzjon jingħalaq fih innifsu u jqis lilu nnifsu bħallikieku kien iċ-ċentru tad-dinja, b’kollox iseħħ f’relazzjoni miegħu u għalih. Dak kollu li ma jidħolx f’din il-kategorija ta’ attitudni, jew ma jorbotx miegħu, għall-egonazzjonaliżmu jitqies bħala bla siwi u bla interess.

Min-naħa l-oħra, l-altrunazzjonaliżmu nistgħu nqisuh li jirreferi għal meta nazzjon joħroġ mill-ossessjoni bih innifsu u b’dak li jqis li hu tiegħu, u jibqa’ jara lilu nnifsu bħala parti minn komunità ta’ nazzjonijiet, biċċa waħda minn kuntest li jħaddan lilu u lil kulħadd f’umanità waħda. L-altrunazzjonaliżmu jmur lil hinn mill-egoiżmu nazzjonali u jitfa’ l-ħarsa tiegħu lejn il-ġid komuni tan-nazzjonijiet, il-popli u l-ġnus.

Iċ-ċiviltà hija ħajja

L-egonazzjonaliżmu u l-altrunazzjonaliżmu aktarx tista’ tarah fl-attitudnijiet tan-nies li semmejt aktar ’il fuq. L-għamla li biha dawn, b’mod ġenerali, iġibu rwieħhom juri n-nazzjon lejn liema ġenb tal-medda ta’ żvilupp qed ixaqleb. Aktar ma jxaqleb lejn l-egonazzjonaliżmu aktar hu infantili u immatur, xhieda ta’ livell baxx ta’ ċiviltà. Aktar ma jxaqleb lejn l-altrunazzjonaliżmu aktar hu matur, żviluppat, komplet u avvanżat, xhieda ta’ livell għoli ta’ ċiviltà.

Xi wħud, iċ-ċiviltà tagħna jesprimuha f’termini ta’ storja, tal-imgħoddi, tat-tradizzjoni, bħallikieku ċ-ċivilizzazzjoni hija xi ħaġa arkeoloġika, konservazzjoni arkivjali ta’ fossili mejta. Bil-kontra, iċ-ċivilizzazzjoni hi xi ħaġa ħajja, kontemporanja, preżenti issa, imlaħħma fil-poplu li jgħix illum u fl-attitudnijiet tiegħu. Huwa aħna lkoll li nsawru ċ-ċivilizzazzjoni tagħna llum, irrispettivament x’kienet fl-imgħoddi, imqar is-sena li għaddiet.

X’aħna llum? Aktar egonazzjonali jew aktar altrunazzjonali? ’Il fejn qed inxaqilbu? Jekk, biex nibdew, nieħdu bħala qies in-nies l-aktar pubbliċi tagħna, u minnhom nilmħu ċ-ċivilizzazzjoni tan-nazzjon, aktarx inkunu nistgħu naraw fejn qegħdin u ’l fejn sejrin. Għalhekk, il-politiċi tagħna x’juruna? X’livell ta’ ċiviltà esprimulna? X’juru li aħna? Fejn jixhdu li wasalna fil-medda taċ-ċivilizzazzjoni?

Aħna jixirqilna aħjar

Nistgħu ngħidu li kull mexxej politiku f’pajjiżna wiegħed li qatt ma hu se jaqa’ għall-baxxezza tat-tgħajjir u t-tmaqdir tal-oppożituri. Kull wieħed minnhom ma żammx din il-wegħda. Kmieni jew tard waqa’ fin-nasba tal-egonazzjonaliżmu biex tbiegħed mill-altrunazzjonaliżmu. Tal-ewwel tisħaq fuq l-‘aħna’ u l-‘huma’; tat-tieni fuq l-‘aħna’ biss.

Illum, meta qed nersqu lejn kampanja elettorali u lejn elezzjoni ġenerali, b’riżq tabilħaqq ikrah il-politiċi tagħna bdew il-litanija ta’ tgħajjir u tmaqdir li jbaxxina lkoll u jiġbidna lura lejn l-immaturità, il-puwerilità u … l-irrisponsabbiltà. Id-doża qed tiżdied kuljum. Ftit huma dawk li jidhru qed irażżnuha jew jirreżistuha.

Ir-responsabbiltà tal-politiċi quddiem il-poplu kollu hu li jġibu ruħhom ma’ xulxin bid-dinjità, bid-dekor, skont il-livell li niftaħru li nlaqna fiċ-ċivilizzazzjoni tagħna, li fil-fatt naħsbu li hi żviluppata mhux ħażin. Il-baxxezza tan-nies pubbliċi tagħna qed tgiddeb dan.

Aħna lkoll jixirqilna aħna. Nistennew aħjar. Irridu aħjar.


/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?