Akkużi, ħlif u għajjat ieħor

F’dawn l-aħħar ġimgħat, min minna seta’ jinjora l-akkużi li baqgħu jsiru mingħajr rażan? Rajna l-oppożizzjoni tirkeb il-karru li rikbu l-politiċi kollha sa minn qabel Ġesù Kristu, il-karru tal-akkużi ta’ korruzzjoni kontra l-gvern. Dan anki l-Laburisti għamluh fl-imgħoddi. Rajna wkoll il-gvern jaħlef li jdejh huma nodfa u li s-sewwa jirbaħ żgur.

Għajjat li jtarrax

Is-sewwa jirbaħ żgur? Din ġiet minn fomm il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat il-Ħadd li għadda. Konna smajnieha xi mkien ieħor din l-għajta. Min kien qalha, bħalissa? Ah, kienet il-famuża għajta ta’ Fenech Adami meta fl-aqwa tiegħu ħadha kontra l-aktar Prim Ministru onest li qatt kellha Malti, Dr Karmenu Mifsud Bonnici.

Fil-politika m’iniex ċert is-sewwa jirbaħx żgur. L-għajta hi qawwija, bla dubju, imma l-politika, għall-anqas f’Malta u Għawdex, donnha trid xi ħaġa aktar minn hekk. Speċjalment meta l-akkużi ta’ korruzzjoni u ta’ ‘game over’ qed jitkattru bħall-faqqus fuq tiben imxarrab li ma jista’ jieħu n-nar b’xejn.

Jien stess, bħal ħafna oħrajn, fil-qrati kriminali smajt elf miljun akkuża serja li timpressjonak. X’baqa’ minnhom meta provi ma kienx hemm kulħadd jaf. Spiċċaw fix-xejn. L-akkużi kulħadd jaf jagħmilhom. Il-provi huma li jgħoddu. Akkużi mingħajr provi huma ħanqa ta’ ħmar.

L-iswed fuq l-abjad

Jekk niġu f’dan, biex inkunu għedna kollox, lanqas il-ħlif m’għandu jimpressjona. Kemm smajt nies jaħilfu fuq Alla l-Imbierek u miljun bibbja! Dan kollu ma jgħodd xejn jekk il-provi jinġiebu b’konvinzjoni. Il-ħlif jgħodd biss meta m’hemmx provi. Għax meta hemm, il-ħlif kollu tad-dinja ma jgħodd xejn.

Mela huma l-provi li l-poplu Malti u Għawdxi jrid jara, mhux għajjat u tinbiħ u tħambiq. L-akkużi u l-ħlif jistgħu jkunu parti mil-logħba tal-politiċi. Il-poplu m’għandux jiġi mxejjer f’nofsu. Bħalissa kull naħa trid timpressjona, u bir-raġun, imma l-poplu mhux impressjonijiet irid, iżda iswed fuq l-abjad.

Jekk dan ma jeżistix, allura ikun ferm aħjar jekk il-politiċi jibirdu ftit u jikkalmaw is-sitwazzjoni. Dan jgħodd għall-oppożizzjoni daqskemm għall-gvern. Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu jrid tkomplija ta’ tmexxija li hi effiċjenti u produttiva, mhux tfixkil u gambetti u bsaten fir-roti.

Il-provi kollox

Xi wħud għaġġlu u sejħu din is-sitwazzjoni ‘kriżi nazzjonali’. Naħseb qed jitfgħu l-pitrolju fuq il-nar. Is-sitwazzjoni hi kriżi ta’ argumenti suriet in-nies, kemm għall-politika tal-gvern kif ukoll għall-istil ta’ oppożizzjoni li reġa’ għandna.

Tassew li l-għajjat hu nofs il-bejgħ ... iżda meta jkollok xi tbiegħ. Għax meta ma jkollokx, l-għajjat hu biss sinjal ta’ biża’. L-istess il-ħlif. Ir-responsabbiltà tal-provi m’hi qatt fuq l-akkużat, imma fuq il-prosekuzzjoni. L-akkużat m’għandu jaħlef fuq xejn. Għandu biss jitlob il-prosekuzzjoni tipproduċi l-provi. Jekk dan mhijiex kapaċi tagħmlu, allura l-akkużat ikun ħalef għalxejn.

Alla żżeffen fin-nofs ħafna drabi mill-Ħadd li għadda ’l hawn. Mhux aħjar inħalluh ’il barra minn dil-froġa? Il-politika qatt ma kienet post xieraq għal Alla l-istess bħalma Alla qatt ma kien kandidat xieraq għall-politika. Speċjalment meta l-politika, flok fuq politika, tinfexx fuq kollox barra l-politika.

Jien ngħid li, f’dan iż-żmien diffiċli fejn kulħadd donnu l-għami tal-istorja li ma jafx fejn hu sejjer, irridu lkoll inżommu rasna fuq għonqna u nikkalmaw kemm jista’ jkun. Għax, bħalma jiġri fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-għajjat, mhux biss ma jsolvi xejn, imma saħansitra jmut fuq ommu.

Comments

  1. It-Taljani għandhom qawl:

    Donna che piange, uomo che giura, cavallo che suda, tutta impostura.

    ---

    Il-provi hemm qegħdin. Mizzi u Schembri fetħu kumpaniji sigrieti. Dan hu fatt.

    Il-kumpaniji sigrieti n-naive biss jemmnu li fetħuhom għall-kera tad-dar ta' Londra u għal estate planning.

    Dak il-fatt waħdu kellu jwassal għar-riżenji.

    Il-bqija, kif qed tgħid tajjeb inti, hu għajjat u storbju. Inżid jien, biex iħawwad moħħ il-poplu.

    ReplyDelete
  2. Naqbel hafna ma da li ktibt. Pero', ma ninsewx li hemm whistleblower li tela jixhed quddiem il-magistrat, u li bhal ma kien gralu Gesu', qed jigi akkuzat b'affarijiet ohra li ma kienx ghamel biex ifixklu l-imhuh ta' dawk li genwinament qed jippruvaw ifittxu l-verita'. Nitolbok ukoll tara s-sitwazzjoni within its larger context: tmexxijja korrota, habi ta' flus, nuqqas ta' trasparenza, oligarkija gdida, indhil tal-gvern fil-media (ara kif ic-Chief of Staff xtara lit-Times of Malta) - dawn meta l-gvern wieghed mod iehor. Xi provi trid biex temmen li l-Prim Ministru huwa nvolut fl-iskandlu tal-Panama Papers jekk lill-Schembri u Mizzi zammhom qrib tieghu u jipprotegihom? Ghal min forsi jrid ideffes rasu fir-ramel, l-ghajta tal-oppozizzjoni se tibqa hanqa ta' hmar, u b'hekk min imexxi jkompli jaghmel li jrid.

    ReplyDelete
  3. Dawn il-hmerijiet kitibhom Rev DR....U mbaghad nistghagbu b'li jghidu/jaghmlu zghazagh li bilkemm ikunu jafu jiktbu isimhom.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?