Ħames snin oħra

Min jaf fejn se nkunu int u jien f’ħames snin? Is-sena tkun 2022. Tidher ’il bogħod. Imma mhijiex. Ħames snin jgħaddu bħal riħ, l-aktar għal min qabeż it-tletin (bħali). Nistgħu nkunu mejta. Nistgħu nkunu lejlet jew f’kampanja elettorali oħra. Min jaf? Li aktarx hu żgur hu li dalgħodu lkoll qed naħsbu fil-bidu ta’ dal-ħames snin li ġejjin u x’jkun ifisser dal-bidu għalina lkoll.

Pjanijiet

Kemm smajna fuq dal-ħames snin li ġejjin fil-ħames ġimgħat li għaddew! Sa minn mindu tħabbret l-elezzjoni ġenerali, fl-1 ta’ Mejju, kulma smajna kien bi pjanijiet ikkumplikati ta’ kif dal-ħames snin se jkunu għalina bħallikieku ġenna fl-art. Kull politiku għandu ħabta jaqa’ f’dan id-dnub tal-preżunzjoni, qisu l-istorja jmexxiha hu. Imma tifhmu wkoll. Għax xogħolu hu li jippjana ... u jikkonvinċi lilna li l-pjanijiet tiegħu huma ta’ min joqgħod fuqhom.

Madanakollu, il-verità hi li Alla biss jaf x’jista’ jinqala’ f’ħames snin. Tabilħaqq, il-bniedem jipproponi u mn’alla jkun hekk, imma mbagħad huma l-fatti, speċjalment il-fatti li jibqgħu jinqalgħu minn taħt ir-riħ, li jiddisponu lilna wkoll biex noqogħdu għad-dettat tagħhom. Irridu jew ma rridux, ikollna nibdlu l-pjanijiet tagħna għaċ-ċirkustanzi, ukoll jekk il-miri tagħna ma nitilfux għajnejna minn fuqhom.

Xi wħud minna, lanqas miri ma jipprovaw jagħmlu, għax jobsru li kull żmien fih tiegħu u t-tfixkil mhux se jonqos. Iżda miri jrid ikollna, għall-anqas biex jiggwidawna; għall-anqas biex ma nitfixklux wisq. Huma dawn il-miri, żgħar jew kbar, li jibqgħu jagħmlulna l-qalb biex nagħfsu ’l quddiem biex intejbu ħajjitna.

Tamiet

Illum jibda gvern ġdid b’miri li tkellem fuqhom magħna fit-tul għall-ħames ġimgħat li għaddew. Illum, ħafna nies aktarx jixtiequ li kienu attenti ftit aktar tul dawn il-ġimgħat. Għax dak li ntqal se jkun xi ftit jew wisq dak li se jlewnu l-ħames snin li ġejjin. Dawn, issa, huma mifruxa bħal tapit quddiem il-gvern il-ġdid biex jagħmel minnhom storja kemm jista’ jkun sabiħa għal kulħadd.

Bla dubju, se jkun gvern li se jkollu jħabbat wiċċu ma’ dak kollu li jiġri madwarna, kemm fil-Mediterran u fl-Ewropa, kif ukoll fid-dinja. Min jista’ jgħid dan kollu x’għad ikun? Gwerer, kriżijiet finanzjarji, fenomeni naturali ... kollha, u oħrajn magħhom ukoll, jinsabu fuq il-lista tal-possibbiltajiet. Aħna nittamaw li l-gvern il-ġdid jaffronta dan kollu b’sidru minn quddiem u b’rasu fuq għonqu.

Nittamaw ukoll—u b’qalbna kollha—li l-biċċa l-kbira tad-diskors li sar fl-aħħar ħames ġimgħat li għaddew ma kienx għalxejn. Anzi, huwa biss xieraq li aħna nżommu l-gvern il-ġdid marbut mal-wegħdiet li għamel, issa li kiseb il-vot tal-maġġoranza tal-elettorat Malti u Għawdxi. Huwa l-minimu li aħna għandna nistennew.

Avventura

Il-massimu huwa ferm aktar. Il-massimu li aħna għandna nistennew huwa li pajjiżna jkompli fuq it-triq ta’ suċċess li qabad fl-aħħar erba’ snin; li b’ebda mod l-arloġġ ma jitreġġa’ lura; li l-ħajja ta’ kulħadd tibqa’ titjieb u li kulħadd jibqa’ jingħata d-dinjità u r-rispett li jixraqlu, anki jekk ma jistħoqqlux.

Illum jibda kapitlu ġdid fil-ġrajja twila tagħna, wieħed mimli b’opportunitajiet u prospetti possibbilment sbieħ. Il-gvern il-ġdid, bil-mandat li kiseb il-bieraħ, se jieħu f’idejh it-tamiet kollha tagħna lkoll biex isarrafhom f’realtajiet li nistgħu nkunu kburin bihom.

Dal-kapitlu se niktbuh ilkoll flimkien, għax aħna lkoll fl-istess dgħajsa. Il-maltemp li jiġi għall-gvern jiġi għalina wkoll. Bħalma r-risq li nagħmlu jkun ukoll għalina lkoll. Dal-kapitlu l-ġdid jalla, ħames snin oħra, inkunu nistgħu nħarsu lura lejh bil-kburija u l-ftaħir.

Inkunux għadna hawn int jew jien, il-ħames snin li ġejjin se jkunu avventura.

http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?