Rebħa = Responsabbiltà

Ir-rebħa elettorali tal-għaġeb, storika, li għamel il-Partit Laburista l-Ħadd li għadda tqiegħed fuqu u fuq il-Prim Ministru responsabbiltà akbar minn qatt qabel. Il-fatt li l-moviment nazzjonali mmexxi mill-partit kiseb, fost tant u tant tfixkil, it-tieni leġislatura, u kisbu b’mandat akbar minn ta’ erba’ snin ilu, aktarx għandu jfisser li l-partit irid jieħu b’serjetà kbira l-impenn tiegħu li jżomm għajnejn il-gvern fuq l-ideali soċjali li jistqarr, u għandu jfisser ukoll li l-gvern irid ma jħallix is-saħħa enormi li għandu tiġri bih ’il fejn ma jixraqx.

Ir-responsabbiltà tal-partit

Ħa nibda l-ewwel bil-partit. Għedt li l-partit irid jieħu b’serjetà kbira l-impenn tiegħu li jżomm għajnejn il-gvern fuq l-ideali soċjali li jistqarr. Ovvjament, dan mhuwiex id-dmir tal-Partit Laburista biss, imma ta’ kulħadd. Madanakollu, il-partit aktarx igawdi pożizzjoni privileġġjata f’din l-obbligazzjoni. Kemm għax id-deputati tal-gvern jiġu minn ħdanu, kif ukoll għaliex il-Prim Ministru huwa wkoll il-mexxej tiegħu.

Huwa faċli li, la darba nkiseb il-mandat governattiv, il-partit jintelaq u, minkejja d-diversi mekkaniżmi li għandu fi ħdanu, iħalli għal kollox ir-responsabbiltà tat-tmexxija governattiva f’idejn il-Prim Ministru, il-gabinett tiegħu u d-deputati parlamentari l-oħra tiegħu. Dan m’għandux ikun. Bħalma l-partit jibqa’ jappoġġja lil dawn in-nies fil-karigi rispettivi tagħhom, u hekk għandu jkun, ma jistax jeżonera lilu nnifsu minn kull impenn fit-tmexxija tal-pajjiż.

Fl-istrateġija politika ġenerali tal-gvern preżenti, li aktarx tfittex li toħloq sintesi bejn programmi ekonomiċi leminin u proċeduri soċjali xellugin, il-mekkaniżmi interni tal-partit huma fid-dmir li dejjem jassiguraw ruħhom li l-bilanċ ġust f’din l-istrateġija ma tintilef qatt. Dan hu s-servizz vitali li dawn il-mekkaniżmi, u għandu mnejn oħrajn ġodda, jagħtu lill-gvern Laburista u, għaldaqstant, lill-pajjiż.

Ir-responsabbiltà tal-gvern

Min-naħa tal-gvern, li diġà għandu ċerta kuxjenza soċjali, għax uriha bil-fatti fl-erba’ snin li għaddew, issa jrid jissaħħaħ l-impenn li l-ġid iġġenerat u li se jkompli jiġi ġġenerat jitqassam fuq l-irjus kollha mingħajr ma jħalli ebda faxxa tas-soċjetà barra jew bin-nieqes. Dan hu gvern Laburista li, bħalma wera diġà, hu maħtur għall-qerda tal-faqar jew tal-possibbiltà tiegħu.

Is-saħħa enormi li għandu issa l-gvern preżenti b’dan il-mandat fenomenali, bla dubju tagħtih fibra aqwa biex jinnegozja. Hi saħħa li trid tibqa’ mrażżna u mliġġma. Bħalma dan l-aħħar tfakkret, bir-raġun, ir-rebħa elettorali ta’ wieħed u erbgħin sena ilu, fl-1976—u dik kienet rebħa iżgħar—hekk irid jitfakkar ukoll kif is-setgħa kienet telgħet għal ras xi wħud li, imbagħad, saru kważi inkontrollabbli. Dan ma jistax jerġa’ jirrepeti ruħu.

Ma jirrepetix ruħu jekk il-gvern jibqa’ ffukat, jibqa’ jisma’, jibqa’ b’għajnejh fuq il-valuri veri tas-suċċess. Dawn il-valuri ma jorbtux sempliċiment mat-tkattir tal-ġid, iżda aktar u aktar mat-tqassim ġust u xieraq tal-ġid. Filwaqt li l-gvern, bħalma hu maħluf, ikompli bl-impenn tiegħu għat-tkattir, irid jibqa’ sensittiv għall-krib sieket u moħbi taż-żgħir u tal-minoranzi.

Gvern li jibqa’ jisma’

Jien m’għandix għalfejn naħseb li dan mhuwiex se jsir. Jekk seta’ jsir aħjar fl-aħħar erba’ snin, is-sinjali jidher li juru li l-ħames snin li ġejjin, għall-anqas f’dan ir-rigward, sejrin ikunu aħjar. Gvern li jibqa’ jisma’ ma jiżbaljax kif ġieb u laħaq. Huwa biss gvern li jingħalaq fil-bozza tal-awtoġustifikazzjonijiet tiegħu u fin-nasba tal-intransiġenzi politiċi tiegħu li jiżbalja ... u jiżbalja bl-ikrah.

Dan ma rriduhx jiġri. Ma jridux il-gvern. Ma jridux il-partit. Ma jridux il-poplu. Ma jridu ħadd. Għaldaqstant, partit, gvern u kontributuri għandhom jaraw li ma jiġrix billi jħarsu ’l quddiem flimkien f’ħidma li tikkumplimenta l-ideali soċjali daqskemm ekonomiċi.

Din, tabilħaqq, hija rebħa ta’ responsabbiltà kbira għal kulħadd.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?