Il-paga ta’ Neymar

Għandha mnejn din hi waħda biss mill-indikazzjonijiet —waħda mill-iżgħar, fil-fatt—tal-assurditajiet li ngħixu llum fil-qasam finanzjarju dinji. Suppost, wieħed mill-prinċipji sagrosanti li jemmen fih il-kapitaliżmu huwa l-meritokrazija, fejn ix-xogħol iebes, is-sengħa u l-kwalifikazzjonijiet jiġu ppremjati. Allura kif wieħed fost ħafna li jilagħbu l-ballun fuq livell professjonali jdaħħal fil-ġimgħa daqs kemm jaqilgħu aktar minn, ngħidu aħna, 5,000 ruħ f’pajjiżna li qegħdin fuq il-paga minima?

Pagi stellari

Il-Brażiljan Neymar de Silva Santos, ta’ 25 sena (magħruf bħala Neymar)—li dan l-aħħar għadda jilgħab il-ballun minn mal-Klabb ta’ Barċellona, fi Spanja, għal dak ta’ Paris St-Germain, fi Franza—se jkun qed jaqla’ 865,000 ewro fil-ġimgħa (45 miljun ewro fis-sena). Din il-paga hi 740 darba akbar milli taqla’ l-President ta’ Malta fil-ġimgħa, u 480 darba akbar milli jaqla’ l-Prim Ministru ta’ Malta fl-istess żmien. Hija 135 darba akbar milli jaqla’ l-President Trump tal-Istati Uniti fil-ġimgħa.

Dan il-ħaddiem professjonali partikulari aktarx se jkun l-aktar wieħed imħallas fid-dinja. Minkejja dan, mhuwiex l-uniku wieħed li jilgħab il-ballun professjonalment li jaqla’ somom bħal dawn. Skont it-Total Sportek, Carlos Tevez, ta’ Shenhua, jaqla’ mas-700,000 ewro fil-ġimgħa (xi 36 miljun fis-sena), u Cristiano Ronaldo, tar-Real Madrid, u Lionel Messi, tal-Barċellona, jaqilgħu kull wieħed madwar 400,000 ewro fil-ġimgħa (aktar minn 21 miljun fis-sena).

Dawn il-pagi stellari żgur ma jippremjawx ix-xogħol iebes, is-sengħa u l-kwalifikazzjonijiet kif huwa xieraq. Xi ħaġa ħażina xi mkien hemm żgur. Skont is-Salary Explorer, il-medja f’Malta u Għawdex tal-pagi kollha li jitħallsu fil-ġimgħa hija ta’ madwar 500 ewro (mas-26,000 ewro fis-sena). Insomma, xi 1730 darba anqas minn dak li jdaħħal Neymar fil-but kull ġimgħa!

Inġustizzja strutturali

Hemm diversi fatturi ġenerali li jiddeterminaw għala paga tkun akbar minn oħra. Waħda hija r-riskju tax-xogħol, oħra hija s-snajja involuti fl-impjieg, it-tielet hija l-ħtieġa li s-suq ikollu ta’ xogħlijiet speċjalizzati u kemm ikun hemm li jipprovduh, u r-raba’ hija l-kontribut tal-impjiegi lejn is-soċjetà. B’mod aktar partikulari, ma’ dawn il-fatturi wieħed irid iżid ukoll ieħor kruċjali: is-saħħa finanzjarja tal-pajjiż. Hu għalhekk li, ngħidu aħna, il-medja fl-Iżvizzera tal-pagi li jitħallsu fil-ġimgħa, skont Forbes, hija ta’ madwar 1,300 ewro, darbtejn u nofs aktar minn f’Malta u Għawdex.

Minkejja dan, dawn il-fatturi kollha, bil-prinċipju li semmejna aktar ’il fuq b’kollox, ma jfissrux biżżejjed—anzi, lanqas biss jibdew jgħidu—għala xi ħaddiema jaqalgħu tant u oħrajn ħafna anqas jew ħafna aktar. Teżisti inġustizzja strutturali f’dan kollu, iddettata mill-kappriċċi tas-suq ħieles li jixtri u jbigħ ix-xogħol tan-nies skont kif jaqbel lilu ... u żgur mhux skont x’jaqbel lill-ħaddiema.

Kontrolli f’dan il-qasam ftit li xejn jeżistu. Anzi, is-suq ħieles jagħmilha prerogattiva li ma jkunx hemm kontrolli. Din hi waħda mir-raġunijiet għala jissejjaħ proprju ‘ħieles’; ħieles mill-kontrolli nazzjonali u internazzjonali kemm jista’ jkun; ħieles li jagħmel li hemm bżonn, li jaqbel għas-suq, li jgħid kappriċċieh.

Il-jedd u d-dmir

Dan kollu ma ngħiduhx kontra Neymar jew kontra xi ħadd ieħor, jilgħabx il-ballun jew le. Ngħiduh kontra s-sistema li timmanipula u tisfrutta mingħajr kuxjenza. Ngħiduh kontra l-isfreġju li ħolqu l-bnedmin, ħtija tar-rgħiba tagħhom, li ġabu f’kull rokna tad-dinja.

Il-ġustizzja distributtiva, jiġifieri l-mod kif jitqassam il-ġid, kemm nazzjonali daqskemm dinji, hija l-pern tas-soċjetà ċivilizzata; hija l-qalba tal-politika u l-ekonomija kollha. Jew aħjar, għandha tkun il-pern. Għax evidentement m’hijiex.

Dan, però, m’għandu qatt irażżanna milli nixtiequ dinja aktar ġusta li tagħmel lil kulħadd, mhux lil xi wħud biss, aktar hienja fuq l-art. Kulħadd għandu l-jedd li jkun kuntent. Kull bniedem għandu d-dmir li jara li dan il-jedd jitħares dejjem.

http://www.bdlbooks.com/philosophy/3773-malta-s-philosophy-philosophers.html

Comments

  1. Hi, Father Mark. I am a Catholic living in the U.S. I read an article written by you and would very much like to contact you regarding it and ask you a question. Would you happen to have an email address? (I don't use Facebook.) Thank you.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?