Il-kbir Luteru

Nhar it-Tlieta, il-31 t’Ottubru tal-2017, miljuni ta’ nies madwar id-dinja kollha se jfakkru flimkien avveniment li ġrat 500 sena ilu. F’dan il-jum fl-1517, patri Agostinjan ta’ 33 sena, weħħel mal-bibien tal-knejjes f’raħal ċkejken fil-Ġermanja, Wittenberg, stedina għal diskussjoni bbażata fuq 95 punt duttrinali. Dan kien il-bidu umli ta’ riforma ġiganteska li kellha theżżeż id-dinja sal-lum. Il-patri żagħżugħ kien Martin Luteru.

Eretiku min jagħmlu

Ebda ġrajja, waħedha waħedha, u ebda bniedem, waħdu waħdu, ma jistgħu qatt ibiddlu l-istorja. Dan jistgħu jidhru li jagħmluh jekk wieħed jinjora il-qtajja bla qies ta’ ċirkustanzi, ġrajjiet u nies oħra li jkunu taw lil dik il-ġrajja jew lil dak il-bniedem appoġġ, sosten u sustanza. Hekk ukoll il-31 t’Ottubru tal-1517. U hekk ukoll Luteru.

Kemm x’kien ġara dak in-nhar, kif ukoll x’seħħlu jagħmel Luteru, ħadu t-tifsira sħiħa tagħhom b’dak kollu li ġara wara fuq medda ta’ bosta snin, inkluż fatturi li juru li Luteru inzerta kien bniedem furtunat ħafna. Luteru la kien ta’ karattru diżubbidjenti, u wisq anqas ta’ moħħ ribell. Kien bniedem kuxjenzjuż, esiġenti miegħu nnifsu daqskemm ma’ ħaddieħor.

Eretiku? Luteru ma kellu xejn mill-ereżija. Għamlu eretiku min, għall-kumdità, il-korruzzjoni u l-konvenjenza tal-interessi politiċi tiegħu nnifsu, ma qabillux li Luteru jiġi mismugħ, li jingħata widen jew li jitwettqu l-bidliet li kien ta bidu għalihom.

Bidla ta’ mentalità

Kważi kważi mingħajr ma jaf kif u għala, Luteru u l-moviment bla qies li ta sehem biex jibda biddel il-mentalità tal-kontinent Ewropew, imbagħad tad-dinja, għal dejjem. Huma xejnu bil-mod il-fasla tal-ħsieb medjevali u ta’ bidu għal fasla ġdida ta’ ħsieb, waħda li tat sehem qawwi għall-fasla ta’ ħsiebna llum.

Kienu tlieta l-oqsma ewlenin li tbiddlu. Bit-tisħiq ta’ Luteru fuq il-ġustifikazzjoni bil-fidi, lil hinn is-sempliċi ħarsien tal-liġi, huwa biddel il-ħsieb minn waħda skjavista għal oħra liberatorja. Bit-tisħiq tiegħu fuq l-abbużi bl-indulġenzi, huwa biddel il-ħsieb minn waħda li taħrab ir-responsabbiltajiet għal oħra ta’ fraternità u kooperazzjoni. Bit-tisħiq tiegħu fuq il-qari tal-Bibbja mill-poplu, huwa biddel il-ħsieb minn waħda soċjalment ġerarkika għal oħra egalitarja.

Għalkemm dawn il-bidliet ma nistgħux infissruhom fit-tul hawnhekk, nistgħu nżidu din biss: li fil-punent, direttament jew indirettament, KULL moviment li ppromova l-libertajiet u/jew il-jeddijiet ċivili u politiċi, u kull moviment li ppromova l-iżvilupp xjentifiku u/jew teknoloġiku—biex ma nsemmux kull moviment reliġjuż jew spiritwali, inklużi dawk kattoliċi—għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin, tnebbħu minn Luteru.

Apprezzament imġedded

Hu għalhekk li l-jum tal-31 t’Ottubru tal-1517 hu wieħed ikonografiku, għax jissimbolizza l-bidla kbira li seħħlu jibda fid-dinja. Dak in-nhar, Luteru mhux sammar fuq il-bibien, imma fetaħhom għal dinja isbaħ ... għalija, għalik u għall-bnedmin kollha.

M’għandniex xi ngħidu, l-għedewwa ta’ Luteru ħammġuh u żebilħuh kemm felħu mingħajr riżervi. X’tistenna? Imma llum dan-nies m’għadx għandhom kontroll fuq l-informazzjoni u t-tagħlim, u lil dan il-ġgant tas-seklu 16 nistgħu nibdew, jekk għadna ma bdejniex, nitgħallmu napprezzawh kif inhu xieraq tal-bniedem kbir li kien.

Dan qed tagħmlu l-Knisja Kattolika nnifisha, mhux biss fuq livell prattiku bid-djalogu kontinwu mal-Insara ‘Protestanti’, iżda wkoll fuq livell teoloġiku. Il-mibegħda lejn Luteru, ir-riforma tiegħu u t-tagħlim li ppromova, illum ma jagħmilx sens aktar.

Luteru għad għandu ħafna u ħafna x’jgħallimna, bħalma kellu tul l-aħħar ħames sekli. Jalla nhar it-Tlieta, għandu mnejn fis-skiet u l-ġabra ta’ ruħek, tizzi ħajr ’il Alla li 500 sena ilu ta lid-dinja ’l dan ir-raġel hekk kbir. U tgħid talba wkoll biex is-sinċerità u l-onestà, mal-bnedmin u ma’ Alla, jirbħu fuq kollox.


http://inewsmalta.com/article.php?ID1=49764

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever