X’nistennew għall-2018?

Kulħadd ikollu l-pjanijiet tiegħu u l-istennijiet tiegħu. Ħadd minna, żgur, ma jistenna li ma jinqala’ xejn minn taħt ir-riħ. Sena ġdida tista’ tkun għall-ħafna oħrajn li għaddew bħalha, iżda tista’ tkun, bla ħsieb ta’ xejn, waħda li toħroġ mill-ixkora xi sorpriża li nibqgħu niftakruha l-bqija ta’ għomorna. Ma jistax ikun mod ieħor. Ilkoll nittamaw, għandi nifhem, li tkun sena li ġġibilna xi ftit jew wisq tar-riżq. L-ordinarju Din is-sena, l-2018, kellha tkun sena ta’ elezzjoni; iżda m’hijiex se tkun. Dik id-deċiżjoni ttieħdet ftit xhur ilu u mhux se jkollna bżonn oħra din is-sena ― għall-grazzja t’Alla. Il-gvern nistennewh jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu, u lkoll ikollna għajnejna fuq l-oppożizzjoni biex naraw jekk, tul is-sena li jmiss, tinġararx xi ftit. M’għandniex nistennew xi terrimoti kbar fl-ekonomija s-sena li ġejja, la lokalment u lanqas internazzjonalment. Jidher li l-kriżi tal-2009 intrebħet sewwa u m’għandux ikun hemm oħra, għall-anqas mhux fis-sena li se nibdew. L...